Vivamalta.
Isem id-dgħajsa, li b’investiment ta’ madwar erba’ mitt elf ewro, pajjiżna se jkollu l-ewwel tim nazzjonali tal-ibburdjar li jkun jista’ jikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-ibburdjar.
Iċ-Chairman tal-Yachting Malta John Huber, spjega kif Yachting Malta kienet ressqet proposta lill-Ministeru għat-Trasport, liema Ministeru laqa’ t-talba. Is-Sur Huber tkellem dwar l-opportunitajiet li se jkun qed iġib miegħu dan l-investiment.
Huwa qal, “Dan huwa proġett li ħolqot Yachting Malta billi xtrat id-dgħajsa b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta u bil-federazzjoni tal-ibburdjar il-Malta Sailing Federation, aħna se nagħtu opportunità li għall-ewwel darba se jkollna tim nazzjonali barra minn Malta jikkompetu u se nagħtu opportunità lit-tfal tagħna wkoll li jkollhom ħolma li għada pit għada jirrapreżentaw lit-tim nazzjonali għall-ewwel darba fl-ibburdjar.”
Ġew evalwati bosta għażliet, madanakollu, ingħażlet id-dgħajsa Cookson 50 li fiha ħamsin pied.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg saħaq li għal dan l-għan, twaqqaf kumitat ta’ esperti tekniċi sabiex jevalwaw l-idea u jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex pajjiżna joffri l-aqwa u l-aħjar tim possibbli: “Dan huwa investiment importanti illi jżid il-vizibilità ta’ Malta barra l-pajjiż, imma jagħti wkoll opportunitajiet lit-tfal u żgħażagħ Maltin f’dan l-isport daqstant interessanti u sabiħ.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima spjega kif il-Federazzjoni Maltija għall-Ibburdjar, bl-appoġġ ta’ SportMalta, kienet attiva fil-promozzjoni ta’ dan l-isport: “VivaMalta hija ħolma li ssir realtà għal din id-dixxiplina daqstant importanti tal-ibburdjar, dixxiplina li diġà kisbet riżultati għal pajjiżna, u llum il-ġurnata ż-żgħażagħ tagħna għandhom l-għodda kollha neċessarja sabiex anke huma jkunu jistgħu jikkompetu fuq livell internazzjonali.”
Intant, fil-proposta tagħha, Yachting Malta ppreżentat programm ibbażat fuq erba’ snin li ġejjin, fosthom sehem f’avvenimenti fil-Mediterran fis-sena li ġejja.