Malta se jkollha mill-ġdid l-akbar tkabbir ekonomiku mis-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea, din is-sena u anki fis-sentejn li ġejjin.
Dan ħareġ mit-tbassir ekonomiku għall-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, li ġie ppubblikat dalgħodu, mill-Kummissarju Ewropew Paola Gentiloni.
Minn dan ir-rapport indipendenti tal-Kummissjoni Ewropea ħareġ li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’rata ta’ 5% – li hija l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk il-Kummissjoni Ewropea rrevediet it-tbassir tagħha ‘l fuq minn dak li kien imbassar fl-aħħar rapport li ħareġ fir-rebbiegħa. Dan hekk kif dakinhar il-Kummissjoni Ewropea bassret li l-ekonomija Maltija se tikber b’4.6%, iżda issa ġie mbassar li l-ekonomija Maltija se tikber b’5%.
Dan filwaqt li għas-sena d-dieħla u ta’ wara, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku Malti mistenni jkun ta’ 4.3%. Minkejja li t-tkabbir se jonqos, l-ekonomija Maltija se tibqa’ bl-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
It-tkabbir ekonomiku Malti se jkompli jiżboq sew il-medja tat-tkabbir fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibqa’ tikber aktar mid-doppju minn kemm se tikber l-ekonomija fl-Unjoni Ewropea.
Dan l-istess rapport qed ibassar ukoll li l-inflazzjoni se tkompli nieżla bi 2.2% is-sena d-dieħla u 2% is-sena ta’ wara.