“Għal dan il-Gvern u f’dan il-pajjiż ħadd m’hu żejjed, kulħadd huwa importanti u kulħadd huwa ndaqs.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista quddiem folla kbira ħafna fil-Fgura. Dan b’referenza għaż-żjara li llum għamel il-Prim Ministru fi 31 jum tal-kampanja elettorali, żjara lil tliet persuni li jgħixu f’Kemmuna. Żjara simbolika li turi li għal dan il-Gvern kull persuna hija importanti u Gvern Laburista se jkun qed ikompli jassigura ħidma għal kulħadd.
Gvern Laburista li jkun elett biss jekk il-poplu jiddeċiedi li ma jieqafx nofs triq jew inkomplux mexjin ‘il quddiem.
Illum il-Mexxej Laburista qal li f’dan il-jum għandu qalbu qawwija aktar minn jiem oħra u dan mhux għax qribna lejn it-tmiem iżda għax illum fid-dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni, kompla jikkonferma li Partit Nazzjonalista m’għandu ebda viżjoni għal pajjiżna. “Jiddispjaċini ngħidilkom li minn siegħa sħiħa jekk għamel ħames minuti jitkellem dwar il-viżjoni għal dan il-pajjiż.” Min-naħa l-oħra qal il-Prim Ministru, hu jitkellem fuq il-futur abbażi tal-fatti.
Fatti li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux dwar l-gideb iffabbrikati li qed jitkellem dwarhom biss, iżda l-Prim Ministru qal li ma kienx hu li għalaq għajnejh għall-koruzzjoni kif qal Simon Busuttil, iżda kien il-Kap tal-Oppożizzjoni li għalaq mhux biss għajnejh, iżda widnejh u ħalqu għall-korruzzjoni. Dan hekk kif ma ħa ebda azzjoni fuq il-każijiet serji ħafna ta’ korruzzjoni fil-Partit Nazzjonalista.
Gideb iffabbrikat li Simon Busuttil fost oħrajn jibbaża fuq SMS li jirċievi, dan hekk kif Busuttil qed ibeżża’ li nhar it-Tnejn kumpanija tal-betting se tkun qed “iġorr il-bagalji” u titlaq minn pajjiżna, gidba biex ibeżża’ għaliex il-Prim MInistru kkonferma li din il-kumpanija mhux se titlaq minn pajjiżna anzi l-ġimgħa d-dieħla se tkun qed titlaqa’ ma’ Joseph Muscat biex il-ħidma tkompli.
Ħidma li Simon Busuttil irrid jikkanċella, biex fost oħrajn jreġġa’ l-arloġġ lura għall-Heavy Fuel Oil. Il-Mexxej Laburista għamel referenza għal dak li qal Simon Busuttil dalgħodu f’Marsaxlokk fejn mar quddiem l-impjant li permezz tiegħu pajjiżna qed igawdi minn enerġija aktar nadifa, bħala parti minn energy mix. Hemm qal li jiddubita kemm qed taħdem. Saħansitra qal li tinsab fuq cold standby.
Iżda ritratt ta’ apparat li jintuża għall-kejl tal-enerġija, li tista’ tara hawn, imeri lil Busuttil għal kollox. Huwa ritratt li ttieħed mill-control room tal-impjant f’Marsaxlokk, fid-09:30 dalgħodu.
Il-power stations ta’ D3 u D4 kienu flimkien qed jipproducu kważi 150MW enerġija filwaqt li Interconnector kien qed jipproduċi 115MW. Dan ifisser li filwaqt li Busuttil kien għaddej jgħid li l-impjant jinsab fuq cold standby, kienet qed tkun iġġenerata din l-enerġija, u ebda heavy fuel oil.
Simon Busuttil mejjet biex jerġa’ jmur lura għal powerstation li taħdem bil-Heavy Fuel Oil, qal il-Prim Ministru.
Hawnhekk, saqsa lin-nies tal-Fgura jekk kienx ikollhom trab iswed fid-djar tagħhom u saqsihom jekk għadhomx isibu dan it-trab. U għalhekk, quddiemhom għandhom għażla jekk irridux lil Simon Busuttil li jerġa’ jibda juża enerġija li taħdem bil-heavy fuel oil.
“Irid jerġa’ jibda jniġġeż in-naħa t’isfel tal-pajjiż, din mhux tad-daħk, tkun tad-daħk kieku ma tkunx tal-biki.” – JM
Iżda l-viżjoni ta’ Muscat hija ċara, dik li minn Malta jkompli jagħmel pajjiż li minn l-aqwa fid-dinja isir l-għira tad-dinja biex iċ-ċittadin Malti jesperjenza l-aqwa żmien ta’ pajjiżna.
“L-aqwa għal Malta saret l-aqwa fid-dinja issa għandna ħolma maltija li Malta ssir l-għira tad-dinja”
Għalhekk, Joseph Muscat nhar is-Sibt li ġej għandu bżonn l-għajnuna tiegħek.