F’diskors ta’ viżjoni ta’ Malta isbaħ b’aktar opportunitajiet, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela tkellem ukoll dwar l-importanza li ħadd ma jaqa’ lura u kulħadd igawdi minn kwalità tal-ħajja tajba, għaliex fi kliemu, il-kuntentizza tiġi meta kulħadd ikollu l-istess opportunitijiet.
“Malta sabiħa hija l-bażi għall-kwalità tal-ħajja. Però kulħadd jifhem il-bżonn li l-familja jkollha l-mezzi biex mhux biss tgħix tajjeb iżda wkoll biex tagħmel dak il-kapriċċ. Tistudja, tiddeverti, taħdem, issiefer, tilbes tajjeb. Għalhekk aħna qatt ma nżidu l-piżijiet fuq il-familji. Minflok aħna nnaqqsu t-taxxa għall-familji. Għalhekk se nżidu ċ-children’s allowance bid-doppju. Għalhekk se nżidu l-in-work benefit.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’kampanja li qed tara liż-żgħażagħ fil-qofol tagħha, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-vuċi taż-żgħażagħ, li trid tkun protagonista fil-ħajja ta’ kuljum.
Fi tmiem ġimgħa li matulha żar l-istudenti tal-Junior College, Dr Abela qal li jrid jagħti l-għodda liż-żgħażagħ biex ikollhom sehem fit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna.
“Il-Junior College mort biex nisma’ u l-messaġġ li ħallejt maż-żgħażagħ tagħna kien – irrid nisma’ mingħandkom – il-futur tagħkom. Smajt dwar kollox. Studenti li jkellmuk fuq l-isfida tal-għoli tal-ħajja. L-ambjent. Dwar ir-riformi li jridu għaż-żmien li ġej. Min dwar l-isport u l-kultura u tant suġġetti oħra. Kont ċar ħafna magħhom. Kunu intom il-qalb tħabbat ta’ dawn ir-riformi.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ta ħajja lit-tema tal-Partit Laburista f’din il-kampanja elettorali; dik ta’ Malta Flimkien, u qal kif huwa biss jekk naħdmu flimkien li nistgħu nirnexxu u nagħmlu minn Malta pajjiż isbaħ u aħjar.
Robert Abela qal li dawk li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali vvutaw lill-Partit Laburista, taw ċans lil dan il-pajjiż jikber, isaħħaħ id-drittijiet ċivili u joħloq ġid li laħaq lil aktar nies.
“Mingħajrkom kollha ma kienx ikollna childcare b’xejn. Mingħajrkom kollha ma kienx ikollna l-akbar proġetti infrastrutturali fl-istorja. Mingħajrkom kollha ma konniex innaqqsu l-faqar u nżidu l-pensjonijiet. Dak kollu grazzi għalikom kollha.”
il-Prim Ministru Robert Abela