Waqt attività fis-summit tal-COP28 miċ-Ċentru Internazzjonali tal-Climate Mobility, Malta ngħatat ir-rikonoxximent ta’ Climate Mobility Champion Leader għax-xogħol li qed tagħmel fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq gżejjer żgħar.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli rċeviet dan ir-rikonoxximent u qalet li Malta se tibqa’ impenjata twassal ’il quddiem dan il-messaġġ.
Il-Ministru Dalli rreferiet għall-aħħar statistika tal-Eurostat li turi li Malta hija l-pajjiż bl-inqas emissjonijiet għal kull persuna f’impjieg fl-Unjoni Ewropea. Minkejja dan qed tagħmel diversi sforzi biex tnaqqas l-emissjonijiet partikolarment mis-settur tal-enerġija, bi proġetti rinnovabbli bħax-shore-to-ship fost l-oħrajn.
Il-Ministru Dalli enfasizzat ukoll li l-pajjiżi ż-żgħar, b’mod partikolari l-gżejjer għandhom jingħaqdu flimkien biex ikunu vuċi waħda għaliex huma l-aktar li jistgħu jkunu milquta ħażin mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, inkluż jekk jogħla l-livell tal-baħar.