Fi New York, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta l-kummenti tiegħu dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-vapur MV Aquarius li għamel missjoni ta’ salvataġġ fl-ibħra taħt ir-responsabbiltà Libjana u rrifjuta li jagħti l-persuni salvati f’idejn l-awtoritajiet Libjani biex il-vapur spiċċa jiġġerra fil-Mediterran u saħansitra tneħħitlu l-bandiera li kellu.
Muscat qal li s-sitwazzjoni kienet qed teskala bis-serjetà u fuq inizjattiva tal-Gvern Franċiż u l-Gvern Malti ġie deċiż li jittieħdu numru ta’ miżuri.
Meta t-temp ikun jippermetti, se jkun hemm tranżizzjoni tat-58 persuna abbord l-MV Aquarius għal vapur tal-Forzi Armati Maltin. Il-persuni imbagħad jitwasslu Malta u immedjatament jibda proċess biex it-58 persuna kollha jittieħdu f’erba’ pajjiżi oħra – Franza, il-Ġermanja, il-Portugal u Spanja. L-ebda wieħed minn dawn il-persuni ma huma se jibqgħu Malta.
Ladarba issa m’għandux bandiera, il-vapur se jerġa’ lura Franza u l-awtoritajiet Franċiżi għandhom huma r-responsabbiltà li jieħdu l-passi meħtieġa.
Il-Prim Ministru Muscat qal li Malta reġgħet uriet li hija proattiva, u ma tgħidx le bla ma tipprovdi soluzzjonijiet, filwaqt li se jittieħdu passi minn Franza biex dan il-vapur jirregola s-sitwazzjoni tiegħu. Qal li Malta uriet is-solidarjetà mal-persuni mingħajr ma tgħabbiet bl-ebda piż.
Temm jgħid li din hija soluzzjoni ad hoc u bl-ebda mod ma hemm qbil ma’ min jgħid li Malta għandha ssir ċentru tal-immigrazzjoni għaliex dik tkun verament sitwazzjoni kontra l-interessi ta’ pajjiżna.