• FIL-FAQAR QED NITKEJLU MAL-AQWA
L-aħbarijiet dwar it-tnaqqis fil-faqar issa ħadu xejra ġdida. Pajjiżna mhux biss jista’ jgħid li ftit ftit qed inaqqas il-faqar iżda li għandu rati li jħabbtuha ma’ dawk tad-Danimarka u pajjiżi Skandinavi li huma xempji għall-kwalità tal-ħajja.
Kif turi t-tabella li qed nippubblikaw minn sitwazzjoni li toqrob lejn il-Portugall illum tbegħedna sew minn dak il-pajjiż u nżilna sew ukoll taħt il-medja taż-żona ewro.Dan kollu riżultat tal-fatt li fl-2017 kompla jiġi rreġistrat tnaqqis fir-rata ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa, jew severe material deprivation. Fil-fatt din ir-rata naqset għal 3.3% minn 4.4% fl-2016.
Ir-rata ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ dak li jitqies bħala faqar assolut issa hija l-anqas li qatt kienet osservata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika għall-Eurostat fl-2005. Ta’ min jinnota li filwaqt li fl-2012 ir-rata ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa f’Malta kienet 10.2% u ogħla mill-medja Ewropea (8.9%), fl-2017 ir-rata f’Malta kienet anqas min-nofs il-medja Ewropea (7.1%).Bejn l-2007 u l-2012 r-rata ta’ nies f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut f’Malta kienet irdoppjat minn 4.4% għal 9.2%. Skont id-database tal-Eurostat filwaqt li fl-2007 kien hawn 17,000 persuna f’Malta li kienu f’din il-qagħda, sal-2012 dan l-ammont kien tela’ għal 37,000 persuna. Dan ifisser tkabbir ta’ 20,000 persuna f’faqar assolut f’ħames snin. Aktar minn nofs din iż-żieda kienet seħħet fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-Gvern, żmien li matulu kien hemm ukoll tkabbir qawwi fil-qgħad. B’kuntrast, fl-2017 in-numru ta’ persuni f’Malta li kienu f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa naqas għal 14,000 persuna. B’hekk f’ħames snin kien hemm 23,000 persuna li nħarġu minn din il-qagħda mwiegħra. Li jfisser li fl-2017 kien hemm 3 persuni f’qagħda ta’ ċaħda materjali severa għal kull 10 persuni li kien hemm fl-2012.
Dan it-tnaqqis ġie rreġistrat fost l-etajiet kollha. Pereżempju filwaqt li fil-ħames snin ta’ qabel il-bidla fil-Gvern kien hemm żieda ta’ 2,000 persuna anzjana f’faqar assolut, fl-aħħar ħames snin din iż-żieda ġiet mreġġgħa lura kompletament. Fost dawk ta’ età tax-xogħol, minn 25,000 persuna f’faqar assolut issa nżilna għal 9,000. Fost it-tfal inqasna bin-nofs, minn 8,000 fl-2012 għal 4,000 fl-2017.
Din l-istatistika tikkonferma kemm il-miżuri soċjali li ha l-Gvern f’dawn l-aħħar snin – fosthom id-dħul tal-inwork benefit, il-garanzija għaż-żgħażagħ, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, iż-żieda fil-pensjonijiet u f’benefiċċji soċjali oħra – wasslu għal titjib fil-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà tagħna.
Tikkonferma wkoll kif it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna qiegħed jilħaq lill-faxex kollha tas-soċjetà. Filwaqt li madwar iż-żona ewro l-persentaġġ ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa naqas minn 7.8% fl-2012 għal 6.3% fl-2017, f’pajjiżna t-tnaqqis kien minn 9.2% għal 3.3%. Biex b’hekk minn rati qrib dawk ta’ pajjiżi fil-Mediterran, issa pajjiżna għadu rati li resqu qrib dawk f’pajjiżi Skandinavi.
Dawn ir-riżultati huma possibbli frott is-surplus li qed jinkiseb fil-finanzi pubbliċi u li ser jippermetti lill-Gvern biex ikompli jagħti spinta lill-ġlieda kontra l-faqar, ħalli aktar persuni jingħataw id-dinjità li tixtraq lilhom.