Rapport tal-Unjoni Ewropea juri kif pajjiżna huwa r-raba’ l-aktar pajjiż li implimenta rakkomandazzjonijiet tal-Kummisjoni Ewropea fost il-pajjiżi kollha Ewropej. Fil-fatt, mill-2011 ‘l hawn Malta implimentat 82% tar-rakkomandazzjonijiet li l-Unjoni Ewropea għamlet fil-konfront ta’ pajjżna.
L-istess rapport spjega bl-aktar mod kategoriku li l-Gvern ħadem fuq 97% tar-rakomandazzjonijiet b’21% kienu implimentati b’mod sħiħ bil-kumplament sar xogħol sostanzjali fuhqom.
Kontra l-perċezzjoni li qed jipprova jagħti l-Partit Nazzjonalista, dan il-Gvern implimenta ħafna minn dak propost mill-Unjoni Ewropea fuq diversi setturi fosthom dawk finanzjarji, fis-settur tal-enerġija, l-istabbiltà finanzjarja u s-suq tax-xogħol.
Filfatt il-Gvern saħansitra implimenta miżuri dwar l-Awtorità Maltija għas-Servizzi finanzjarji. Miżuri li Gvern Nazzjonalista injora għal snin twal. F’sitt snin ta’ Gvern Labursita il-ħames rakomandazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea kienet ħarġet fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista tnaqqsu għal tnejn biss.
Madankollu waħda mir-rakomondazjzonijiet tal-Kummisjoni Ewropea mistennija tibqa’ fuq l-ixkaffa hekk kif din qed tissuġerixxi li tgħolli l-eta tal-irtirar. Ħaġa li l-Gvern ma jridx jagħmel. Ir-rapport li ħareġ dwar pajjiżna rrimarka wkoll li t-tkabbir ekonomiku mistenni jibqa’ b’saħħtu u l-ekonomija mistennija tibqa’ tikber b’ritmu mgħaġġel. Qal ukoll li l-qafas fiskali ta’ pajjiżna huwa wieħed robust u li għandu trasparenza fiskali skond kif mistenni mill-istandards Ewropej.