Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali laqa’’ b’sodisfazzjon l-aħħar statistika tal-Eurostat li tat ħarsa lejn il-livell u l-kundizzjonijiet tas-saħħa fost it-tfal.
F’din l-istatistika, Malta klassifikat mal-aqwa pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja fejn tidħol il-kundizzjoni tas-saħħa fost it-tfal. Fil-fatt, din l-istatistika tal-Eurostat tikkonferma li aktar minn 99% ta’ tfal Maltin li għandhom inqas minn ħames snin jgħixu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.
Din l-istatistika nħadmet fuq is-sena 2017, u saret fl-istati membri Ewopej kollha. Jirriżulta li Malta, flimkien mal-Italja, il-Bulgarija u r-Rumanija, kisbu l-aqwa riżultati, filwaqt li l-Estonja kellha l-inqas rata ta’ saħħa fost it-tfal ta’ taħt il-ħames snin, b’92.4%.
Malta tgawdi ukoll l-ogħla livelli ta’ saħħa fost it-tfal kollha ta’ taħt is-sittax-il sena, b’persentaġġ li jlaħħaq it-98%, li huwa 2% aħjar mill-medja tal-pajjiżi Ewropej. B’hekk, Malta qabżet il-medja Ewropea, f’kull grupp t’etajiet fost it-tfal.
Din l-istatistika titfa’ dawl ukoll fuq dawk it-tfal b’limitazzjoni t’attività fiżika, minħabba raġunijiet ta’ problemi fis-saħħa. Hawnhekk ukoll, il-maġġoranza assoluta tat-tfal Maltin (97.5%) m’għandhom l-ebda minn dawn il-problemi, b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra bħal Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Latvja li kisbu riżultati ferm inqas sodisfaċenti.
Il-medja ta’ tfal li juru limitazzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom huwa ta’ ftit inqas minn 5% fl-Unjoni Ewropeja, filwaqt li f’Malta dan jinsab f’livell t’inqas minn 1% (0.7%).
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jirrikonoxxi s-sehem ta’ dawk kollha involuti, speċjalment l-awtoritajiet tas-saħħa, l-aġenziji kollha soċjali li jaħdmu mat-tfal u anke l-istituzzjonijiet edukattivi kollha.
Minkejja dawn ir-riżultati tant pożittivi, il-Ministeru se jibqa’ kommess li jħares id-drittijiet tat-tfal permezz ta’ bidliet kostanti biex jilqa’ għall-isfidi ġodda tal-ġurnata. Dan il-Ministeru fil-fatt jinsab viċin ħafna li jdaħħal fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, hekk kif din tinsab għat-tieni qari fil-Parlament. Din il-liġi se tkun qed tara li kull deċiżjoni meħuda tittieħed fl-aqwa interess tat-tfal.
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jassigura li se jibqa’ jagħmel l-almu kollu tiegħu biex kull tifel u tifla jgħix f’ambjent sigur, f’ambjent diċenti, u ’l bogħod mir-riskju ta’ faqar.