Malta qed tlaqqa’ s-sitt Ambaxxaturi tal-Oċeani minn madwar id-dinja għall-ewwel forum internazzjonali dwar is-suġġett. Dan wara li sena ilu Malta ħatret lill-Professur Alan Deidun bħala l-Ambaxxatur tagħha għall-Oċeani. Dawn is-sitt pajjiżi, li huma wkoll parti mill-Commonwealth u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, qed jiddiskutu mezzi sostenibbli ta’ kif il-gvernijiet jistgħu jiġġieldu t-tniġġis tal-Oċeani fost l-oħrajn.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi Karmenu Vella spjega li l-għan ewlieni ta’ dawn l-Ambaxxaturi hu li jkunu huma l-vuċi tas-settur marittimu fil-Gvern tagħhom, biex b’hekk, is-soluzzjonijiet ma jkunux biss xi ħaġa ta’ fuq il-karta jew tad-diskussjonijiet, iżda jiġu implimentati. “Illum l-oċean qed jaffaċċja ħafna sfidi ta’ tniġġis u aċtu, plastik, u din mhux xi ħaġa li tolqot pajjiż wieħed. Hija problema globali li għandha bżonn soluzzjoni globali. Aktar milli soluzzjoni fuq il-karta, irridu azzjoni. L-Ambaxxatur kapaċi jimbotta l-Gvern tiegħu biex jieħu azzjoni”, spjega Vella.
Il-Kummissarju Vella nnota l-bidliet kbar li saru f’dan il-qasam fl-aħħar ħames snin anke fuq livell Ewropew. Ilkoll bidliet li Malta kienet eżemplari u attiva fihom anke grazzi għall-fatt li waqqfet iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth biex tmexxi inizjattivi bħal dawn. Fakkar kif sa ħames snin ilu, “la kellna s-sustainable development goals, la kellna l-ftehim ta’ Pariġi, ma konniex qed naraw l-istampa l-kbira, imma rnexxielna ngħollu lill-oċean fl-ogħla livelli politiċi bħall-UN, il-G7 u l-G20. L-affarijiet qed jinbidlu”.
Din mhux l-ewwel darba li Malta kienet pijunier fl-impenn dinji għall-ħarsien tal-oċeani. Filfatt, fid-diskors tagħha, is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland qalet li ħafna pajjiżi tal-Commonwealth ħadu eżempju minn Malta, li fl-2015 meta ospitat iċ-CHOGM, waslet għal deċiżjoni kruċjali għal dan il-qasam. Scotland qalet li “as a result of the decision that was taken in Malta in 2015 we made a commitment days before Paris to have enforcibility, andt he aspirational target of 1.5 degress. And Malta was pivotal in making this commitment possible, facilitating it, encouraging it”.
Dan innotah ukoll il-Ministru Carmelo Abela, li flimkien mal-Mibgħut Speċjali tal-Ġnus Magħquda Peter Thomson mexxa dan il-forum ta’ jumejn.
“Mhux biss qed nitkellmu jew nippjanaw imma wkoll nimplimentaw. Din hi xi ħaġa li ma jagħmlux il-Gvernijiet waħedhom jew xi awtorità oħra, imma anke kull wieħed u waħda minnha, kif qed naraw anke bil-kampanja li għaddejja bħalissa kontra l-plastik fuq livell Ewropew biex innaqsu mill-plastik fl-oċeani tagħna”, temm jgħid il-Ministru Abela.