Dawn l-aħħar snin, il-Gvern Malti stinka biex isaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem f’Malta fil-livelli u s-setturi kollha. Dan intqal mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, waqt l-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra.
Il-Ministru enfasizza l-ħidma li saret mill-Gvern Malti f’setturi differenti, sabiex jiġi żgurat aktar li d-drittijiet kollha tal-bniedem huma rispettati. Semma s-settur tal-ġustizzja, li huwa pilastru fundamentali f’kull soċjetà demokratika u enfasizza l-implimentazzjoni riċenti tad-dritt ta’ aċċess għal avukat matul interrogazzjoni, fost oħrajn.
Setturi oħra fejn sar ħafna xogħol huwa mal-komunità LGBTIQ, fejn ingħataw bosta drittijiet. Waqt One Breakfast News, il-Ministru Owen Bonnici qal li Malta serviet ta’ mudell lil pajjiżi oħra, li esprimew interess kbir f’dak li kiseb pajjiżna fid-drittijiet umani.