Pajjiżna kien u se jibqa’ jsalva l-ħajjiet fil-baħar iżda jistenna l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea li toffri soluzzjoni vijabbli għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Dan saħqu l-Prim Ministru Malti Robert Abela mal-Kummissjoni Ewropea.
F’ittra mibgħuta lill-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dunja Mijatović, il-Prim Ministru qal li Malta, waħda mill-ewwel artijiet li taffaċja l-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, dejjem onorat l-obbligi tagħha u għadha tagħmel hekk sal-lum.
Il-Prim Ministru fakkar fl-għeluq tal-portijiet Maltin u dawk Taljani minħabba l-emerġenza tas-saħħa pubblika u fl-istess waqt pajjiżna baqa’ jaffaċċja mingħajr preċedent minħabba n-numru dejjem jiżdied ta’ dgħajjes li qed jaqsmu lejn l-Ewropa mil-Libja.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li ma laqgħetx it-talba tal-għaqda Repubblika li riedet lil Malta tiftaħ il-portijiet u ddaħħal l-immigranti.
Qal li Malta użat ir-riżorsi kollha tagħha biex issalva nies f’diffikultà bejn sema u ilma u qal li qed jistenna l-Kunsill Ewropew li jappoġġja bi sħiħ it-talba ta’ Malta għas-solidarjetà.
Sadanittant f’konferenza tal-aħbarijiet li tagħmel ta’ kuljum, il-Kummissjoni Ewropea, illum ġiet mistoqsija fuq is-sitwazzjoni ta’ immigrazzjoni fil-Mediterran u dwar Malta.
Madankollu s-soluzzjoni mill-Unjoni Ewropea baqgħet ma ġietx.
Il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea ma semma l-ebda soluzzjoni ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti.
Dan hekk kif din is-sena biss, waslu f’Malta aktar minn elf u mitejn ruħ.
Pajjiżna qed itenni l-pożizzjoni soda tiegħu li l-ewwel tiġi s-soluzzjoni ta’ rilokazzjoni imbagħad isiru l-iżbarki tal-immigranti.
Il-Gvern Malti qed jargumenta li fil-passat saru diversi wegħdiet ta’ rilokazzjoni iżda kien hemm pajjiżi li ma żammewx mal-wegħdi.
F’dan il-kuntest, Malta effettivament waqqfet finanzjament t’operazzjoni Ewropea u qed titlob li l-ewwel tasal is-solidarjetà mill-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.
Pajjiżna saħansitra qal lill-Unjoni Ewropea li qed jissospendi r-riżorsi tiegħu bħal jibgħat is-suldati Maltin f’operazzjoni navali Ewropea li twaqqaf li jitwasslu armi fil-Libja.