Il-Ministru Carmelo Abela qal lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva li hekk kif din is-sena Malta qed tfakkar il-50 anniversarju minn mindu bdiet ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha mal-Portugall, qed tikkunsidra attivament li jerġa’ jkollha ambaxxatur residenti f’Lisbona. Għal dawn l-aħħar sitt snin l-ambaxxatur Malti għall-Portugall ma kienx residenti u l-ambaxxata Maltija fil-kapitali Portugiża minflok qed titmexxa minn Chargé d’Affaires.
Il-Ministru Abela esprima x-xewqa ta’ Malta li jerġa’ jkun hemm preżenza diplomatika tal-Portugall fil-gżejjer Maltin wara li l-ambaxxata Portugiża f’Malta ngħalqet fl-2012. Minn dak iż-żmien ’l hawn l-Ambaxxata Portugiża f’Ruma hi akkreditata għal Malta wkoll.
Il-ministri ltaqgħu nhar l-Erbgħa,16 ta’ Mejju 2018 fil-marġini taż-żjara statali li l-President ta’ Malta għamlet fil-Portugall. Iż-żewġ naħat iddiskutew ir-relazzjonijiet bilaterali politiċi, ekonomiċi, kummerċjali u kulturali kif ukoll kwistjonijiet ta’ politika barranija ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi. Dawn kienu jinkludu l-qagħda fil-Libja, il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani u l-migrazzjoni. Kwistjonijiet oħra fuq l-aġenda kellhom x’jaqsmu mal-Unjoni Ewropea, bħal Brexit, il-ġejjieni tal-UE u l-Qafas Finanzjarju Plurijennali li jmiss.
Minn mindu ġew stabbiliti r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Portugall f’Novembru 1968, saru skambji bejn iż-żewġ pajjiżi fuq kull livell. “Malta hi ħerqana biex tikkonsolida r-relazzjonijiet tagħha mal-Portugall; ninsabu entużjasti biex inkomplu nisfruttaw ir-ritmu kwalitattiv tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna”, qal il-Ministru Abela. Hu nnota li f’dawn l-aħħar erba’ deċennji, il-kuntatti tan-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi fjorixxew.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru kien akkumpanjat milll-ambaxxatur mhux residenti ta’ Malta għall-Portugall Joseph A. Filletti u miċ-Chargé d’Affaires ta’ Malta f’Lisbona Walter Mallia.
Sadanittant, nhar it-Tlieta 15 ta’ Mejju 2018, il-Ministru Abela indirizza forum tan-negozju f’Lisbona mal-Kamra Portugiża tal-Kummerċ u l-Industrija. Għal din il-laqgħa attendew imprendituri Portugiżi u delegazzjoni kummerċjali li vjaġġat apposta minn Malta u li kienet magħmula minn rappreżentanti tal-oqsma tat-turiżmu, tal-avjazzjoni, tal-awditjar, tal-konsulenzi, tal-inġinerija, tal-promozzjoni tal-investiment, tal-manifattura, tas-servizzi finanzjarji, tal-ospitalità, tar-restawr u tal-ħarsien soċjali. Fi tmiem il-forum saru laqgħat individwali bejn parteċipanti miż-żewġ naħat.
“Il-forum tan-negozju li qed isir illum juri r-rieda u l-impenn ċari tagħna li mhux biss inżommu iżda wkoll insaħħu r-rabtiet bilaterali bejn Malta u l-Portugall”, qal il-Ministru lill-parteċipanti. “F’termini ta’ stabbiltà ekonomika u ta’ saħħa kummerċjali qatt ma kien hemm żmien aqwa biex wieħed jikkunsidra lil Malta bħala sieħeb għall-koperazzjoni. F’dawn l-aħħar snin Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku robust”, osserva l-Ministru Abela filwaqt li wiegħed is-servizzi u l-appoġġ tal-Ministeru biex jiġu faċilitati kuntatti li jkomplu jibnu fuq dawk li saru waqt iż-żjara statali.