Fi tmiem l-ewwel jum tas-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela qal li rridu nżommu bilanċ tant delikat fil-mument, bejn l-ekonomija u s-saħħa.
F’kummenti lill-ġurnalisti, Dr. Abela stqarr, “Wieħed irid jaġġusta, l-ewwelnett aħna dejjem nimxu mal-pariri li jagħtuna l-Awtorijiet tas-Saħħa. Hija sitwazzjoni fluida li wieħed irid jaġġusta għaċ-ċirkostanzi kif jiżvolgu. Naturalment appell ewlieni li wkoll sar fil-Kunsill illum kien li ma nistgħux nagħlqu l-ekonomija tagħna. Jiġifieri rridu nżommu dan il-bilanċ tant delikat f’dan il-mument bejn l-ekonomija u s-saħħa.”
Il-Prim Ministru saħaq li wieħed irid jaħseb mhux biss li jagħmel il-miżuri iżda li dawn il-miżuri jkunu sostennibbli u li jaħsbu fl-immedjat u anki fit-tul.
Qal li bħala pajjiż, Malta qed tħares lejn iżjed infurzar.
Dr. Abela sostna, “F’pajjiżna dak li qegħdin naraw, inżidu l-infurzar permezz tar-restrizzjonijiet li hemm fis-seħħ, fost oħrajn li nimmobilizzaw aktar lill-pulizija biex jiżguraw li hemm rispett lejn il-miżuri kollha li ħareġ id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u li ninkoraġixxu l-ilbies tal-maskri.”
Fuq l-aġenda tal-ewwel jum tas-Summit kien hemm ukoll il-ftehim mar-Renju Unit wara li fi tmiem din is-sena jagħlaq il-perjodu tranżitorju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Il-Prim Ministru saħaq li dan il-ftehim m’għandux jintlaħaq akkost ta’ kollox iżda jrid jintlaħaq u jkun ta’ ġid għall-Unjoni Ewropea.
Qal li n-negozjatur ewlieni dwar BREXIT, Michel Barnier jinsab pożittiv li jintlaħaq ftehim iżda xejn mhu ċert.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern Malti antiċipa għal kull eventwalità.
“Aħna bħala Gvern antiċipajna dan il-pass għaliex qegħdin naħdmu bis-sħiħ biex ikollna l-arranġamenti kollha fis-seħħ għall-eventwalità li sal-aħħar ta’ din is-sena ma ma jintlaħaqx dan il-ftehim. Allura ikollna sitwazzjoni fejn ikun hemm, ‘no deal scenario’”, temm jgħid Dr. Abela.