L-aġenzija tal-kreditu Moodys’ aktar kmieni din il-ġimgħa ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna fil-livell ta’ A3 bi prospetti pożittivi.
Intervistat minn ONE NEWS l-ekonomista Alfred Mifsud qal kif minkejja dan ir-riżultat pożittiv hemm prospetti għal rating aħjar. Dan hekk kif l-ekonomisti tal-aġenzija tal-kreditu rrimarkaw il-progress li qiegħda tagħmel Malta biex tnaqqas id-dejn u ssaħħaħ il-finanzi tagħha fl-isfond ta’ ekononija b’saħħitha.
Spjega kif “Ir-rapport ta’ moodys jikkonferma r-rating li Malta għandha, fil-każ ta’ Moodys A3, però taw ukoll positive outlook li minn stable dar positive. Normalment meta jagħmlu hekk ikun il-prekursur ta’ rating upgrade. Fil-każ ta’ Moody’s nitilgħu minn A3 għal A2.”
Is-Sur Mifsud spjega li hemm tliet raġunijiet ewlenin li għalihom l-aġenżiji jibdlu r-riżultati tal-mudelli u jagħtu rating aktar baxx. L-ewwel fattur huwa dak li aħna għandna ekonomija miftuħa.Hu qal li “Li aħna pajjiż żgħir u allura l-ekonomija tagħna hija miftuħa għal dak li jiġri barra u fuq dan ma tantx nistgħu nagħmlu. La aħna żgħar bilfors irridu nagħmlu ħafna kummerċ ma barra.”
Hemm ukoll il-qasam tad-dejn li kull sena qed jitnaqqas u huwa proġettat li jkompli jonos.
Spjega li “Iż-żewġ raġunijiet l-oħra diġà qed isir ħafna progress fuqhom. L-ewwel waħda hija li l-livell ta’ debt to gdp niżel minn 70% għal 50% u huwa proġettat li fis-sentejn li ġejjin ħa jkompli jinżel u jaqa’ għal anqas minn 45%.”
L-ekonomista Mifsud jgħid ukoll li dawn il-fatturi huma problemi li l-Gvern wiret mill-Gvern preċedenti u li bil-mod qed jaħdem biex isolvihom.
Mifsud qal li “Imbgħad isemmi li l-Gvern għad għandu garanziji illi ta lill-kumpanija parastatali, l-aktar waħda evidenti hija l-enemalta illi dawn qed jonqsu imma qegħdin hemm. Fuq dawn it-tieni u t-tielet raġuni qed isir ħafna progress imma mhux problemi li għamel dan il-gvern imma li wirithom u bilmod qed insolvuhom.”
Minkejja dan, is-Sur Mifsud jinsab pożittiv li l-Gvern ħa jkompli jaħdem biex insostnu r-ritmu ekonomiku li ħa jkompli jassigura aktar surplus fiż-żmien li ġej.