Membri tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista żaru għadd ta’ kumpaniji, li fetħu n-negozju tagħhom f’Malta fis-snin li għaddew, fosthom fi żjara f’Base Camp fiż-Żejtun fejn ġie spjegat kif f’Malta hawn aktar minn 300 impjegat fis-settur tal-iżvilupp tal-logħob diġitali, li jitħallsu aktar minn €50,000 fis-sena minn kumpaniji lokali u internazzjonali fis-settur.
Ingħad li wħud minn dawn il-kumpaniji għandhom baġits ta’ €100 miljun fis-sena biex jiżviluppaw logħob diġitali għall-konsum dinji.
Operaturi tal-kumpaniji barranin, li tkellmu mal-membri tal-amministrazzjoni Laburista, qalu li qed jirrilokaw f’Malta, għax qed iħajru lil xulxin jiġu jinvestu l-miljuni fostna.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay, irrimarka li din hi niċċa ekonomika ġdida li nibtet mill-għaqal tal-Gvern u qed toffri impjiegi ta’ kwalità u jinkwadra fil-viżjoni għal Malta li tattira investiment barrani li jeħtieġ aktar talent u ħiliet speċifiċi.