“Malta qed ikollha prospetti riveduti ’l fuq, waqt li pajjiżi Ewropej, b’mod kontinwu, qed ikollhom tbassir rivedut ’l isfel fl-ekonomija. U dan minħabba l-miżuri f’waqthom li qed jieħu dan il-Gvern.”
Qal dan lil ONE News il-Professur u ekonomista Philip Von Brockdorff, hekk kif il-Bank Ċentrali għadu kemm irreveda ’l fuq it-tbassir ekonomiku tiegħu għal Malta għal din is-sena.
Fil-fatt, fir-rapport tiegħu għas-snin 2025-2027, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li dan it-titjib jirrifletti s-saħħa finanzjarja tal-familji Maltin u Għawdxin, xprunat mit-tnaqqis fil-piż tat-taxxi fuq id-dħul, l-akbar miżura ta’ twessigħ tal-faxex tat-taxxi fl-istorja. Dan flimkien ma’ rkupru fl-investiment privat.
Dan sostnih ukoll il-Professur Von Brockdorff fejn tkellem dwar id-differenza fit-tkabbir ekonomiku bejn dak li qed nesperjenzaw f’Malta u l-bqija tal-Ewropa.
“Dik id-differenza ġejja mill-fatt li l-Gvern, matul dawn l-aħħar snin, ipprova jabbina l-politika ekonomika ma’ dik soċjali. U dan hu hekk, fil-fatt naħseb, xempju ta’ dan hu fil-fatt is-sussidju fuq l-enerġija. Mentri pajjiżi oħrajn fiż-Żona Ewro ħadu deċiżjonijiet differenti ħafna. Uħud minnhom ukoll reġgħu daħħlu miżuri ta’ awsterità. Jekk wieħed jikkumpara is-sena l-oħra mal-2015, l-ekonomija f’Malta kibret 86 fil-mija, filwaqt fiż-Żona Ewro kibret biss 14 fil-mija. Differenza kbira.”
Ekonomista Philip Von Brockldorff
Hu fakkar kif inhu mbassar ukoll li l-inflazzjoni se tkompli tonqos biex tilħaq it-2% sal-2027, kif rakkomandat internazzjonalment.