Malta flimkien mad-Danimarka u l-Lussemburgu huma fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li qed jagħmlu l-ogħla numru ta’ testijiet għall-Covid-19 kuljum.
Dan ġie rrapurtat fuq is-sit internazzjonali Politico, li wera wkoll kif studju poġġa lil Malta u d-Danimarka fil-lista ta’ pajjiżi Ewropej li għandhom l-anqas rata ta’ każijiet pożittivi.
F’Malta, il-Ħamis saru rekord ta’ testijiet li ammontaw għal 3030 test. Filwaqt li fil-jum tal-Ġimgħa saru aktar minn 2,400 test. Dawn it-testijiet qed isiru f’sitt ċentri differenti ta’ ttestjar madwar Għawdex u Malta.
L-istudju wera kif b’differenza, diversi pajjiżi Ewropej bħal Belġju u anke Spanja, filwaqt li għamlu aktar testijiet raw żieda fil-każijiet pożittivi.
Il-Politico rrapporta wkoll li diversi pajjiżi oħra fosthom il-Finlanda, ir-Renju Unit, l-Ungerija u l-Portugall, qed jagħmlu ammont kbir ta’ testijiet, iżda il-każijiet per capita ma naqsux jew żdiedu b’ammonti kbar.
Intant, fil-Belġju, ir-Romania, il-Polonja u Spanja, iż-żieda fit-testijiet raw żieda sinnifikanti fin-numru ta’ infezzjonijiet.