F’konvenzjoni organizzata mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (l-ARUC) bit-tema ‘Setting the Standards’, ġie spjegat fid-dettall il-qafas regolatorju u l-linji gwida li bih l-Awtorità se tkun qed toħroġ il-liċenzji ta’ assoċjazzjonijiet li se jkunu qed ifornu prodott magħmul mill-kannabis lill-membri tagħhom.
Sabiex tiġi stabbilita assoċjazzjoni, din trid tiġi rreġistrata minn minimu ta’ żewġ fundaturi li jridu japplikaw u jiġu liċenzjati mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC. L-applikazzjonijiet għall-ftuħ tal-assoċjazzjonijiet se jinfetħu fit-tmienja u għoxrin ta’ Frar.
L-amministraturi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet ma jistax ikollhom passat kriminali marbut ma’ insolvenza jew ħasil ta’ flus, u jridu jkunu wkoll residenti f’pajjiżna għal minimu ta’ ħames snin.
Meta l-applikazzjoni tiġi pproċessata u tinħareġ liċenzja għall-assoċjazzjoni, din tkun valida għal sena u tista’ tiġġedded għal tliet snin oħra.
Waqt il-konferenza ġie spjegat li l-assoċjazzjonijiet jistgħu jbigħu biss kannabis li jkabbru huma stess, u l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis se tkun responsabbli għall-moniteraġġ u l-infurzar tal-linji gwidi li jridu jimxu magħhom l-assoċjazzjonijiet. Kull sena l-Awtorità se tirċievi wkoll rapporti finanzjarji awditjati minn kull assoċjazzjoni.
Ġie enfasizzat li l-Awtorità mhux se tittollera riklamar u promozzjoni ta’ kannabis, u lse tagħti anke taħriġ lill-persuni ewlenin fl-assoċjazzjonijiet dwar hit-tnaqqis tal-ħsara.
Wieħed jista’ japplika biex isir membru ta’ assoċjazzjoni meta dawn jiġu liċenzjati, u l-membri jridu jkollhom aktar minn tmintax-il sena u jkunu joqogħdu f’Malta.
Sabiex tiġi eliminata l-preżenza tal-krimintalità f’dan is-suq, qed issir ħidma sabiex il-prezzijiet tal-prodotti jkunu inqas minn dawk tas-suq illegali.
Meta indirizzat il-konferenza, s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, qalet li din il-liġi kienet waħda ambizzjuża u kuraġġuża li tħares id-drittijiet u s-sigurtá tal-eluf ta’ nies li jagħmlu użu mill-kannabis.
Qalet li l-missjoni tal-Gvern u tal-ARUC hija li adulti jkollhom sors legali u sigur ta’ kannabis.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Leonid McKay, iffoka fuq l-importanza tal-ġustizzja soċjali ma’ persuni li jużaw il-kannabis, filwaqt li saħaq l-Awtorità taħdem sabiex dan is-settur jibqa’ ’l bogħod mill-kummerċalizzazzjoni.