“Inħares ‘il quddiem li nara isem Cyrus fuq il-polza tal-vot u nħalli f’idejkom biex tieħdu d-deċiżjoni li għandkom tieħdu”, saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt it-tnedija tal-kampanja Elettorali bit-tema ‘Malta Qabel Kollox’, tal-Kadidat Laburista għall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer.Il-Prim Ministru spjega kif ried lil Cyrus Engerer fi Brussell, filwaqt li qal li hu sodisfatt bl-għazla li għamel li jappunta lil Engerer bħala r-rappreżentant tiegħu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dr. Muscat spjega kif ix-xogħol ta’ Cyrus fil-Parlament Ewropew kien wieħed delikat immens. Xogħol li kien qiegħed isir minn wara l-kwinti mas-seba’ mija, wiehed u hamsin Membru Parlamentari Ewropew, waqt li ħaddieħor kien qiegħed jagħmel ħsara lill-pajjiżna.
Engerer tkellem dwar ix-xogħol li sar minnu u mit-tim li kien imexxi fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja.
“Ħadd ma jħammeġ lil Malta u ma jsibx lilna niqfulu fil-Parlament Ewropew” qal Engerer.
Hu spjega kif din mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana. Mhix kwistjoni tal-aħmar jew il-blu. “Aħna Maltin li nħobbu lil pajjiżna. Kull meta nkunu f’istituzzjoni multi-nazzjonali, rridu naraw li l-interess ta’ pajjiżna u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jiġu l-ewwel u qabel kollox”, tenna Cyrus Engerer.
Engerer sostna li dan huwa ċ-ċans tagħna biex nagħtu l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna.
“Ejjew ma niħdux l-affarijiet for granted. Naf li mal-iktar ċans żgħir li nistgħu nagħtu lil tal-Partit Nazzjonalista, il-mibgħeda li għandhom lejna terġa’ taqqgħadhom. Għalhekk irridu nħabbtu l-bibien, inċemplu lill-familjari u l-ħbieb u nikkonvinċu lil kull Maltija u Malti sabiex inġibu l-akbar rebħa Elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna. U din ir-rebħa jkun kisibha il-Prim Ministru Joseph Muscat.” ikkonkluda Engerer.