Malta Public Transport illum iffirmat ftehim ma’ Malta Association of Supported Employment (MASE) taħt il-program imsejjaħ Positive Supported Employment Program (PSEP) b’offerta ta’ vjaġġar b’xejn għal persuni vulnerabbli li qed ifittxu impjieg.
Matul il-program PSEP, individwi vulnerabbli fil-linja tal-faqar jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ taħriġ li huma imfassla speċifikament biex jgħinhuhom jibnu l-abilitajiet neċessarji biex isibu xogħol. Malta Public Transport se toffri lill-parteċipanti kreditu b’xejn fuq it-tallinja cards tagħhom sabiex huma jkunu jistgħu jattendu għas-sessjonijiet ta’ taħriġ u wara għall-intervisti tax-xogħol.
“Aħna qed nappoġjaw dan il-programm għaliex dan jinkoraġġixxi lin-nies biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom bil-għan li jsiru aktar indipendenti. Aħna nemmnu li jekk tagħti daqqa t’id tkun qed tgħin biex tingħata spinta lill-motivazzjoni tagħhom u b’hekk inkunu qed nagħmlu differenza,” iddikjara Konrad Pulé il-General Manager ta’ Malta Public Transport.
B’sodisfazzjon, Marthese Mugliette, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Positive Supported Employment Program sostniet li “aħna ferħanin li Malta Public Transport se tkun qed taħdem magħna biex tgħin fil-missjoni importanti tagħna.” Hija żiedet li s-servizz tat-trasport pubbliku huwa l-unika mezz ta’ mobilità għal dawn l-individwi u ġesti bħal dawn jippermettu li jintegraw aħjar fis-soċjetà.