Malta Public Transport se żżid 25 karozza tal-linja, li se jidħlu fis-servizz fil-ġimgħat li ġejjin, biex b’hekk se tkun qed testendi l-flotta tagħha għal 510 vettura għat-trasport pubbliku skedat.
B’din iż-żieda se jkun possibbli li jiżdied in-numru ta’ vjaġġi skedati madwar in-netwerk tar-rotot, tiżdied il-kapaċità ta’ ġarr ta’ passiġġieri, u tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-servizz.
Permezz tad-disinn tagħhom, dawn il-karozzi tal-linja se joperaw fuq rotot skedati tat-trasport pubbliku b’numru limitat ta’ waqfiet, bħal rotot li jaqdu l-ajruport u vjaġġi skedati mit-terminal tal-Ferry taċ-Ċirkewwa, li se jkunu sinkronizzati mal-vapur ta’ Għawdex.
Barra minn hekk, se joffru kapaċità akbar ta’ postijiet bilqiegħda u spazju limitat bil-wieqfa.
Kull karozza tal-linja hi mgħammra b’żewġ bibien biex tiffaċilita t-tlugħ u l-inżul, u għandha aċċessibbiltà sħiħa.