It-tfal ta’ bejn l-erba’ u l-għaxar snin li jirreġistraw għal Tal-Linja Card minn bejn Ġunju u Lulju, il-flus ta’ reġistrazzjoni ħa jmorru għal tfal li fost oħrajn għandhom l-awtiżmu.
Dan permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Malta Public Transport u l-Malta Trust Foundation.
Il-President tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet kif din hija ċelebrazzjoni ta’ ġenerożità ma’ dawn it-tfal fil-bżonn.
Hija qalet kif din l-inizjattivà hija waħda sabiħa, hekk kif it-tfal se jkunu qed jgħinu lit-tfal stess.
Il-President Emeritu stqarret, “Dawk il-flus se jmorru biex jinxtraw id-devices għal tfal, li ma jarawx u allura għandhom bżonn l-aċċess ta’ devices teknoloġiċi għall-informazzjoni, ħa jkomplu jimxu fl-istudji tagħhom u wkoll għal tfal li ma jitkellmux u qegħdin fuq l-ispetru tal-awtiżmu biex ikunu jistgħu jikkomunikaw.”
Il-General Manager tal-Malta Public Transport Konrad Pulè qal kif il-kumpanija għandha responsabiltà sabiex tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Pulè spjega, “It-tfal li jirreġistraw għal Tal-Linja Card minn issa sal-aħħar ta’ Lulju, dawk il-flus li jinġabru mir-registrazzjoni jmorru direttament għand il-Malta Trust Foundation biex jintużaw għal din l-inizjattivà u barra minn hekk it-tfal jibbenefikaw mit-tariffi ridotti fuq it-trasport pubbliku, fuq il-fast, etc.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg li kellu appell lill-ġenituri.
Il-Ministru sostna, “Qed inħeġġu lill-ġenituri biex ikollhom benefiċċju dirett ta’ Tal-Linja Card, imma anke biex jgħinu din il-kawża jirreġistraw matul dawn ix-xahrejn, dan ix-xahar u x-xahar li ġej, ħalli jkunu qegħdin jgħinu doppjament.”