Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista flimkien mal-Professur Anthony Serracino Inglott, Kap tal-Awtorita Maltija tal-Mediċini ippreżentaw lill-ġurnalisti lokali in-nomina Maltija biex tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA.
Din hija Aġenzija li żżomm monitoraġġ fuq prodotti mediċi li jinbiegħu fis-suq Ewropew u tassigura li studju kliniċi jew manifatturali huma konformi mal-politika Ewropea. L-EMA hija ukoll responsabbli minn konferenzi internazzjonali li jsiru fil-pajjiż li jospitaha, bl-iktar konferenza bieżla sa issa laqgħet fi ħdana iktar minn 36,000 delegat internazzjonali.
“Id-900 ħaddiem li bħalissa huma impjegati tal-EMA jistgħu jibnu futur sabiħ fostna. Għal uliedhom se nofru servizzi edukattivi tal-ogħla kwalita u mingħajr ħlas, se noffru servizzi tal-ħarsien tat-tfal b’xejn, u tranżizzjoni effiċjenti b’offerta ta’ uffiċini adekwati fi Smart City”- spjega is-Segretarju Parlamentari Debattista.
Debattista fakkar ukoll li dan iż-żmien fejn Malta qed tikkompeti ma’ tmintax-il pajjiż ieħor biex jospitaw l-Ema huwa żmien opportun biex Malta tirreklama ruħha bl-aqwa mod għal kumpaniji oħra li bħall-EMA u l-Awtorità Ewropea tal-Banek, se jibdew paġna ġdida wara Brexit.
“U għalkemm se naħdmu b’enerġija biex nospitaw l-EMA, bl-ebda mod ma aħna se nxekklu ħidma oħra li qed issir biex Malta tkompli tispikka fil-mappa Ewropea” wiegħed Deo Debattista.
Il-Professur Anthony Serracino Inglott spjega li l-uffiċini il-ġodda fil-kwartieri tal-EMA se jkunu adekwati u bl-aħħar apparat teknoloġiku. Fl-istess ħin, se jkun hemm mgħodija apposta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu l-impjegati tal-EMA b’mod iktar mgħaġġel, kif ukoll servizz ta’ trasport li jeħudhom mill-ajruport sal-uffiċċji.
Is-Segretarju Parlamentari temm billi fakkar li l-vot finali se jittieħed fl-għoxrin ta’ Novembru li ġej meta jiltaqgħu il-Ministri għall-Affarijiet Ewropej.