Waqt programm, li ddiskuta s-settur agrikolu, ħareġ messaġġ ewlieni li l-Gvern qed ikompli jappoġġja lill-bdiewa u lir-raħħala Maltin u Għawdxin, filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha tifhem aħjar l-isfidi ta’ dawn il-bdiewa u raħħala mingħajr ma tagħmel leġiżlazzjonijiet ta’ one size fits all.
Gvern Laburista ħadem ukoll fuq kisba ta’ derogi li taw għajnuna addizzjonali lill-bdiewa, flimkien mal-akbar għajnuna ta’ fondi Ewropej, li ġab il-Gvern u li tammonta għal €190 miljun.
Fil-programm ‘Popolin’ fuq ix-xandir tal-istat, il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Clint Azzopardi Flores, innota wkoll riformi li daħħal il-Gvern biex ipproteġew lill-bdiewa.
“L-akbar riforma li għamel il-Gvern hi r-riforma tal-qbiela. Jiġifieri kienet waħda kuraġġjuża u kkonfermata wkoll il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta li kieku m’għamilx dik ir-riforma kien ikun hemm minnhom żgombrati.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sharlo Camilleri, irrimarka dwar skemi u inċentivi għall-bdiewa u r-raħħala, fosthom dawk żgħażagħ li bdew jaħdmu fis-settur.
“Nagħtuhom grant tal-bidu, fl-iskema li għandna jieħdu €100,000 bħala start-up, imbagħad hemm skemi oħrajn li jgħinuhom jixtru, jinvestu fil-makkinarju fil-qasam tagħhom, li jieħdu 50% tal-operat. Minbarra hekk nagħtuhom ukoll id-direct payment bħala income support.”
Il-messaġġ ewlieni li ħareġ fil-programm esprimieh b’mod tajjeb ukoll raħħal li kien preżenti fl-istudio, li kompla jartikola dak li kien qed jgħid Malcolm Borg mill-Għaqda ta’ Bdiewa Attivi.
“Il-Gvern ħareġ id-differenza, kieku ma ħariġx id-differenza l-Gvern aħna magħluqin kollha u l-Gvern fejn seta’ għenna. Jien mort nipprotesta kontra l-Ewropa.”
Malcolm Borg tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tissalvagwardja l-interessi tal-bdiewa u r-raħħala tal-istati membri u mhux fi ftehimiet ma’ pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea jispiċċaw aġevolati l-bdiewa minn dawn il-pajjiżi terzi.
Bjorn Azzopardi, Direttur Ġenerali fil-Ministeru għall-Agrikoltura, xejjen għal kollox argumenti skorretti li l-Gvern Malti ħalla lill-Unjoni Ewropea tgħaddi liġijiet ta’ detriment għall-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżna.
“It-track record tagħna bħala Ministeru fejn jidħol liġijiet, liġi jiġifieri li se tidħol legalment obbligu, li hi differenti minn prinċipju. Fil-prinċipju qed naqblu mod, imma dak li ħa jinkiteb artiklu artiklu fil-liġi, aħna dak li ma jogħġobniex, ħa nopponuh. U mhux eżempju wieħed, għandna pereżempju r-regolament li kien propost riċentament mill-Kummissjoni Ewropea għall-użu tal-pestiċidi, spiċċa biex illum irtiratu l-Kummissjoni Ewropea stess. Għalfejn? Għax pajjiżi, bħal Malta, ingħaqadna mal-mejda ta’ pajjiżi oħrajn biex dak li ma jgħoddx għalina, ħa nopponuh.”