Id-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Christine Roger, qalet li tinsab impressjonata bil-livell ta’ tħejjija, impenn u professjonaliżmu li qed juru l-amministrazzjoni ta’ Malta vis-à-vis l-ewwel Presidenza tal-Kunsill li se tkun f’idejn il-pajjiż.
“Malta issa ilha diversi xhur taħdem bla heda, u hija ppreparata tajjeb ħafna. Ninsabu ottimisti u fiduċjużi,” qalet is-Sra Roger lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, waqt laqgħa li saret fil-Ministeru, il-Belt Valletta, illum it-Tnejn. Iż-żjara tagħha f’Malta hija parti mill-proċess tal-Kunsill bi tħejjija għall-Presidenza b’rotazzjoni ta’ bejn Jannar u Ġunju 2017.
Is-Sra Roger saħqet fuq l-importanza li l-Istat Membru li jkollu f’idejh il-Presidenza jkun ippreparat tajjeb. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-qasam tal-Intern, li taħtu jaqgħu kwistjonijiet importanti ħafna u urġenti bħall-migrazzjoni u t-terroriżmu.
Il-Ministru Abela u s-Sra Roger iddiskutew il-ħidma u l-pjanijiet tal-Ministeru għall-Presidenza, u r-relazzjoni ta’ ħidma bejn il-Ministeru u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill minn issa sa tmiem Ġunju tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Abela qal li hu u uffiċjali tal-Ministeru diġà kellhom għadd ta’ laqgħat ma’ membri tal-Kunsill, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew biex jispjegaw il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija fil-qasam tal-Intern. Sadattant, hemm diversi laqgħat simili oħrajn skedati għall-ġimgħat li ġejjin. Qed isiru wkoll laqgħat bilaterali mal-Ministri tal-Intern f’diversi bliet kapitali ta’ Stati Membri tal-UE.