Malta hi l-pont ideali li permezz tiegħu l-politiċi Palestinjani u dawk Iżraeliti jistgħu jpoġġu bilqiegħda madwar mejda biex jiddiskutu d-differenzi ta’ bejniethom.
Dan qalu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Palestinjan Riyad al Malki li jinsab f’pajjiżna għal żjara uffiċjali li matulha kellu taħditiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Carmelo Abela.
Ma’ ONE News il-Ministru Palestinjan ddeskirva lil Malta bħala l-pont ideali għax tgawdi r-rispett u l-ħbiberija taż-żewġ pajjiżi u stqarr jekk Malta toffri din l-opportunità, il-Palestina tkun tal-ewwel li tilqagħha.
“Malta enjots excellet relations with both parties in the conflict, with Israel and Palestine. This really makes Malta that important bridge to be a catalyst, a fair broker that could be fair in providing for both sides to sit and talk and negotiate”.
Il-Ministru Carmelo Abela stqarr li l-laqgħa kienet kontinwazzjoni ta’ dak li ġie diskuss fil-Palestina fejn fost oħrajn tkellmu dwar skambju ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Mhux biss pruvajna nagħmlu follow-up tad-diskussjonijiet li kellna f’Ramallah f’Ġunju li għadda, imma pruvajna nesploraw ukoll possibiltajiet oħra ta’ kollaborazzjoni, eżempju kif nistgħu il-komunità kummerċjali kemm f’Malta kif ukoll fil-Palestina, mhux biss ikun hemm reċiproċi fil-Palestina u l-Iżrael, imma nara possibiltajiet li naħdmu f’terzi pajjiżi”.
Iż-żewġ pajjiżi sostnew li jinsabu sodisfatti u kuntenti bir-relazzjoni li jgawdu bejniethom u jinsabu ħerqana biex ikomplu jfittxu orizzonti ġodda fejn jistgħu jaħdmu id f’id.