Il-politika tal-Gvern Laburista, li, għall-aħħar sena u nofs, introduċiet sussidji fuq il-prezzijiet tal-fuels, fost oħrajn, qed tiġi mfaħħra u saħansitra użata biex toħloq kuntrast ma’ pajjiżi li għandhom prezzijiet esaġerati, inkluża l-Italja.
Dan deher ċar bis-sitwazzjoni li qed tiddomina fil-pajjiż ġar tagħna.
Fil-fatt, fl-Italja komplew jiddominaw prezzijiet mill-aktar għoljin fil-fuels għall-konsumaturi, bil-prezzijiet tal-petrol jlaħħqu iż-żewġ ewro u żewġ ċenteżmi għal kull litru. Dan filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam diesel il-prezz għal kull litru hu ftit ta’ inqas minn żewġ ewro.
Qed jirrapportaw dwar dan bi prominenza l-kmamar tal-aħbarijiet fl-Italja stess fejn issa qed jirriżulta li saħansitra qed iqabblu l-prezzijiet fil-pajjiż ma’ dawk ta’ pajjiżna.
Fl-aġġornament tal-ġimgħa waranofsinhar, servizz ta’ Studio Aperto fuq l-Italia Uno b’rabta ma’ dan is-suġġett, isemmi lil pajjiżna bi prominenza hekk kif jikkwota l-prezzijiet irħas tal-fuels, skont il-Kummissjoni Ewropea.
Qal, “Il-pajjiż fejn jirriżulta l-aktar ekonomiku li timla t-tank tal-karozza huwa f’Malta b’ewro u erbgħa u tletin ċenteżmu l-litru għall-petrol u d-diesel b’ewro u wieħed u għoxrin ċenteżmu għal kull litru.”
Mhux l-istess jista’ jingħad f’pajjiżi bħall-Italja u l-Olanda. Fil-fatt, l-istess servizz ta’ Studio Aperto jelenka l-pajjiżi bl-ogħla prezzijiet tal-fuels.
Qal, “Fil-klassifika tal-ogħla prezzijiet tal-fuels qabel l-Italja hemm l-Olanda, b’żewġ ewro u tmien ċenteżmi l-litru, id-Danimarka b’żewġ ewro u erba’ ċenteżmi u l-Greċja b’ewro u sitta u disgħin ċenteżmu. B’inqas nefqa mill-Italja hemm il-Finlandja, l-Ġermanja, Franza u l-Belġju.”