Malta ġiet miżmuma fi dro ta’ 1-1 f’logħba kompetittiva fil-UEFA Nations League kontra l-Gżejjer Faroe.
Malta kellha bżonn rebħa biex tirbaħ il-grupp iżda bi dro ġiet fit-tieni post u għas-seba’ logħba konsekuttiva t-tim nazzjonali Malti baqa’ mhux megħlub.
Fit-tieni taqsima t-tim immexxi minn Devis Mangia tjieb u saħansitra kien hu li fetaħ l-iskor permezz ta’ xutt fil-kaxxa fl-54 minuta minn Matthew Guillaumier.
Il-Gżejjer Faroe kisbu d-dro 16-il minuta wara minn Ari Mohr Jonsson meta d-difiża Maltija nqabdet.
Il-Maltin baqgħu jagħfsu u sal-aħħar baqgħu jattakkaw, bid-difiża tal-Gżejjer Faroe taħt pressjoni.
Malta sabet ix-xibka wkoll qabel ġie l-ewwel gowl validu iżda l-gowl ġie mħassar għal ftit millimetri ta’ offside.
B’dan ir-riżultat Malta xorta kisbet l-aħjar riżultat f’kompetizzjoni fejn ġiet fit-tieni post fil-grupp.
F’kummenti wara l-partita, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia qal li jinsab kburi bit-tim nazzjonali.
Intant fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lit-tim nazzjonali għall-prestazzjoni kuraġġuża oħra. Żied jgħid kif il-pożizzjoni ta’ Malta fit-tieni post hija sinjal inkorraġanti għall-futur tat-tim nazzjonali.