Malta mistennija tixtri pillola li taħdem kontra l-Covid-19, hekk kif din mistennija tiġi approvata mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina, u hija meqjusa bħala arma kruċjali fil-ġlieda kontra l-imxijja.
Dan ġie rappurtat mis-sit Lovin Malta wara li kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa tkellem mas-sit imsemmi.
Ġie spjegat li din il-pillola se tiġi mixtrija bl-istess mekkaniżmu li mbuttat Malta għax-xiri tal-vaċċin, jiġifieri xiri konġunt bejn l-istati membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-pillola, Paxlovid tal-kumpanija Pfizer, hija effettiva sa 89% fil-prevenzjoni ta’ mard serju meta wieħed ikun pożittiv għall-Covid-19.
Il-pillola diġà ġiet approvata mill-Awtorità tal-Mediċini fir-Renju Unit.
Studji juru wkoll li din il-pillola hija effettiva anke kontra l-varjant Omicron.