Meta indirizza il-Konferenza Biennial dwar is-Servizzi Finanzjarji mtella’ mill-KPMG, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li wasal iż-żmien biex Malta tibda sservi bħala ċentru tal-Fintech.
“Malta minn dejjem serviet bħala ċentru kummerċjali. Tul is-snin irnexxielna nibnu servizzi finanzjarji b’saħħithom kif ukoll infrastruttura tal-ICT soda. Wasal iż-żmien li dawn iż-żewġ aspetti jingħaqdu u nagħmlu minn Malta ċ-ċentru dinji tal-Fintech” qal Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li din hija viżjoni li se ttejjeb ħajjet iċ-ċittadini, li se tiġġenera opportunitajiet ġodda, iżżid l-effiċjenza u nkunu nistgħu nilqgħu għar-riskji b’mod aħjar. Hu spjega kif Fintech qed ibiddel l-esperjenza finanzjarja għal miljuni ta’ persuni u negozji madwar id-dinja b’potenzjal li s-servizzi finanzjarji kif nafuh illum jinbidel.
“Fintech se jiddemokratizza s-servizzi finanzjarji bl-istess mod li l-internet iddemokratizza linformazzjoni” Schembri qal filwaqt li żied li Fintech tista’ tgħin biex is-sistema tkun iżjed reżiljenti. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega li l-Gvern mhux biss qed jesplora din in-niċċa ġdida fi ħdan is-servizzi finanzjarji iżda wkoll qed iħares lejn teknoloġiji ġodda li jistgħu ikunu ta’ benefiċċju għas-servizzi finanzjarji bħal blockchain.
Juanita Brockdorf, sieħba responsabbli mis-servizzi ta’ tassazzjoni fi ħdan il-KPMG qalet li Malta rnexxielha tbiddel lilha nnifisha f’ċentru għas-servizzi finanzjajri eċċellenti.
Brockdorf tenniet li wasal iż-żmien biex l-industrija tkun aġġornata, tadatta għall-opportunitajiet li ġġib magħha t-teknoloġija ġdida sabiex issaħħaħ il-kompetittività u r-relevanza tagħha.