Għas-seba’ sena konsekuttiva, pajjiżna kklassifika fl-ewwel post fir-Rainbow Map Index. Dan ħareġ mill-indiċi tal-ILGA-Europe għas-sena 2022. Dan l-istħarriġ annwali josserva d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ madwar l-Ewropa.
Ir-rapport juri li, matul is-sena li għaddiet, Malta kisbet punteġġ ta’ ftit aktar minn 92 fil-mija u reġgħet ġiet ikkonfermata fl-ewwel post.
Ir-riżultat tħabbar waqt l-IDAHOT Forum, li qed isir f’Ċipru u li qed tattendi għalih is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.
Fil-fatt, ir-riċerka turi li, fost 49 pajjiż, Malta rnexxielha tikseb l-ogħla persentaġġ fejn jidħlu l-politika u l-liġijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-familja, ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru, u tisħiħ ta’ pieni kontra reati u diskors ta’ mibgħeda.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg laqgħet bi pjaċir din l-aħbar pożittiva filwaqt li saħqet li l-Gvern se jibqa’ jaħdem biex dawn id-drittijiet ċivili jissarrfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri, li l-Ministeru tiegħu huwa responsabbli mir-Riformi u l-Ugwaljanza, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat miksub, li qed ikompli juri kemm il-qasam tal-ugwaljanza huwa fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern