Is-sena 2024, bħal ta’ qabilha, kienet waħda tar-rekords għal Malta, f’diversi setturi, minn dak ekonomiku għal dak soċjali kif ukoll dawk tat-tmexxija finanzjarja u d-diplomazija internazzjonali.
Din is-sena l-ekonomija Maltija kibret b’rata akbar mill-medja storika ta’ 4.5%. Mill-2022, pajjiżna ra qabża kbira ta’ 13% fit-tkabbir ekonomiku, rata li hi kważi għaxar darbiet ikbar mill-medja fl-Unjoni Ewropea.
Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, ir-rata tal-qgħad waqgħet taħt it-3%, kontra dak li kienet fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, li kienet id-doppju tal-lum.
Iż-żieda ta’ depożiti fil-banek mill-familji Maltin, li laħħqu t-€18-il biljun, ukoll kienet bla preċedent u qabżet anke dawk li kienu saru fil-ħames snin sħaħ tal-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista.
Rekord ieħor hu li, minħabba l-isplużjoni fil-prezzijiet internazzjonali, din is-sena l-inflazzjoni tnaqqset lejn it-2.5%. Minbarra d-deċiżjoni għaqlija tal-Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li jibqa’ jżomm il-prezzijiet stabbli għall-elettriku, il-fuels u l-gass, kien hemm impatt qawwi wkoll bl-iskema ‘Stabbiltà’, li naqset sewwa r-rata tal-inflazzjoni fil-prodotti essenzjali tal-ikel.
Is-settur turistiku ta’ pajjiżna minn dejjem kien b’saħħtu, iżda din is-sena l-ammont ta’ turisti li żaru lil Malta hu rekord ta’ madwar tliet miljun persuna. Il-promozzjoni li qed issir lil pajjiżna kemm f’ġurnali barranin kif ukoll f’films ta’ suċċess qed tkompli tattira aktar turisti lejn xtutna.
Ċifri tal-Kummissjoni Ewropea juru wkoll li din is-sena l-Gvern Malti se jkun wettaq investiment pubbliku li jiswa 4.1% tal-ġid nazzjonali, li hu l-akbar investiment mindu Malta daħlet fiż-Żona Ewro.
Għall-ewwel darba fl-istorja wkoll, id-dħul tal-Gvern qabeż is-€7 biljun. Dan kien jirrifletti kemm il-fatt li l-ekonomija Maltija kibret ferm aktar milli mbassar kif ukoll li l-Gvern wettaq riformi kbar fil-ġbir tat-taxxi, mingħajr ma żied oħrajn ġodda.