Fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-pożizzjoni ta’ Malta hi li mhux se tagħmel użu mill-flus li l-Unjoni Ewropea se talloka għall-armamenti u l-munizzjon.
F’kitba fuq il-midja soċjali, wara li ntemm is-summit speċjali fi Brussell, Dr Abela tenna li ħaddieħor jista’ jagħżel li jinvesti fl-armi.
“Dik deċiżjoni tagħhom, filwaqt li aħna ngħatajna garanzija li nistgħu noqogħdu ’l barra minnha. Il-ħlas għal dak is-self mhux se jkun responsabbiltà tagħna lanqas”, sostna l-Prim Ministru Abela.
Il-Prim Ministru temm jgħid li Malta se tibqa’ tinvesti fil-paċi u fin-nies, waqt li pajjiżna joffri li jospita diskussjonijiet għall-paċi.
F’dan is-summit kien hemm qbil dwar il-pjan tal-Unjoni Ewropea msejjaħ ‘Rearm Europe’, li se jara li €800 biljun fuq l-erba’ snin li ġejjin imorru biex jissaħħu l-armamenti.
Iżda bil-konklużjonijiet maqbula f’dan is-summit, proprjament f’punt tmienja, il-pożizzjoni ta’ Malta u n-newtralità tagħha hi rispettata. B’dan ifisser li, kif tenna wkoll il-Prim Ministru fil-messaġġ, Malta m’għandha x’taqsam xejn ma’ dan il-pjan.

Qabel din il-laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti, f’kummenti mal-midja, sostna li hu ma jemminx li aktar investiment fl-armi jista’ jwassal għall-paċi.
“L-investiment fl-armamenti, aħna ċertament m’aħniex se nkunu parteċipi fih. Dan għax aħna preklużi milli nagħmlu dan bil-Kostituzzjoni tagħna. Però, iżjed minn hekk, ħa nitkellem għalija l-ewwel wieħed, għax ma nemminx li l-investiment fl-armi, l-investiment fit-tankijiet tal-gwerra, l-investiment f’aktar munizzjon jista’ jwassal għar-riżoluzzjoni tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Nemmen li hemm soluzzjoni waħda u soluzzjoni dejjiema, li hi dik tal-paċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, qabel is-summit, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista attenda u indirizza l-laqgħa tal-Partit Soċjalista Ewropew, fejn kien hemm preżenti wkoll il-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa.
Fl-intervent tiegħu, Dr Abela rrifletta fuq il-valur tan-newtralità ta’ pajjiżna, speċjalment f’mumenti bħax-xenarju attwali ta’ ċaqliq fil-politika globali.
Hu temm jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tipprijoritizza l-investiment fin-nies u mhux fl-armamenti.
AQRA AKTAR: