Għal kull mitt persuna, pajjiżna laqqam diġà 12-il persuna u b’hekk Malta għandha l-ogħla rata ta’ tilqim kontra l-Covid-19 fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Skont statistika uffiċjali, Malta qabżet sew issa lit-tieni pajjiż li laqqam in-nies, id-Danimarka.
Fil-fatt sal-Ħadd li għadda, id-Danimarka kellha rata ta’ ftit inqas minn 7%, kważi n-nofs ir-rata ta’ Malta.
Sal-Ħadd pajjiżna kien laqqam 51,641 persuna, b’16,265 minnhom ħadu wkoll it-tieni doża tal-vaċċin għall-Covid-19.
Fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li qegħdin jagħtu l-vaċċin lin-nies.
Saħaq li dawn il-ħaddiema qed jagħmlu xogħol imprezzabbli.
Intant aktar kmieni dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħa t-tieni doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19.