Il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jżur ir-Russja fil-ġejjieni qrib.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija meta jkien qed jagħlaq id-dibattitut dwar il-voti tal-ministeru tiegħu.
Il-Ministru ikkonferma li l-flotta Russa mhux se tingħata fuel f’Malta. Huwa kien qed iwieġeb lill-kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fdenech li staqsa jekk kienx minnu li l-permess kien ingħata u mbagħad ġie irtirat.
Il-Ministru Vella qal li ma kienx se jidħol fil-kwistjoni jekk ir-Russi talbux permess jieħdu l-fuel minn Malta. Iċ-ċirkostanzi kienu qed jinbidlu minn jum għal ieħor bl-attakki fuq Aleppo fis-Sirja. Dak li għamilna ċar hu l-fatt li Malta mhix se tkun parteċipi fl-oxxenitajiet li qed isiru f’Aleppo, tenna l-Ministru Vella.