Malta mhu se tibgħat l-ebda armi jew munizzjon lejn l-Ukrajna.
Dan intqal mill-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari mid-deputat Randolph De Battista.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li pajjiżna huwa newtrali u l-unika assistenza li pajjiżna qed u se jagħti lill-Ukrajna hija ta’ natura umanitarja.
Dwar il-fatt li Malta ngħaqdet mal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea f’inizjattiva mmexxija mill-Aġenzija Ewropew għad-Difiża sabiex isir xiri konġunt ta’ diversi tipi ta’ munizzjoni għall-forzi armati tagħhom, il-Ministru Camilleri iċċara li l-ebda munizzjon minn dan mhu se jintbagħat lejn l-Ukrajna.
Huwa sostna li dan ix-xiri konġunt qed isir għax il-prezz tal-armamenti u l-munizzjoni żdied sew kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Qal ukoll li Malta trid tassigura provvista sigurtà ta’ armamenti sabiex jintuża fit-taħriġ tas-suldati tagħha, fost l-oħrajn.