Il-Kummissarju Ewropew għall-immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos stqarr li Malta, m’għandiex titħalla waħedha fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Il-Kummissarju Ewropew qal dan f’laqgħa li kellu lbieraħ mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton.
Avrampoulos faħħar lil Malta li baqgħet tħaddan il-valuri Ewropew ta’ responsabbiltà u solidarjetà fir-rigward tal-isfidi tal-immigrazzjoni fiż-żona ċentrali tal-Mediterran.
Min-naħa tiegħu, il-President Malti rringrazzja lill-Kummissarju għall-għarfien tiegħu tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Malta u għall-inizjattivi li ttieħdu matul is-sena dwar l-immigrazzjoni.
Il-President żied jgħid ukoll li d-dimensjonijiet kemm esterni kif ukoll interni tal-immigrazzjoni ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod iżolat.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern Franċiż Chrisopher Castaner.