Brent Morgan, id-Direttur tal-għaqda internazzjonali The Leprosy Mission, faħħar l-att li għadu kemm daħal fis-seħħ dwar l-Ordinanza u r-Regolamenti dwar il-Lebbrużi u rringrazzja lill-Gvern Malti talli mexxa ’l quddiem u ħassar din il-liġi.
Il-liġijiet li ġew imħassra f’pajjiżna kienu ilhom mill-1919 sa minn żmien l-Ingliżi, fejn kienu għadhom jippermettu li ssir diskriminazzjoni kontra persuni affettwati mill-Hansen’s Disease, magħrufa aktar bħala l-Lebbra.
Illum l-ġurnata hemm kura ta’ malajr għal din il-marda u kull persuna affettwata m’għandhiex bżonn iżżomm distanza minn ħaddieħor.
Malta kienet waħda minn tal-bidu biex din il-kura tkun disponibbli għall-poplu.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, li mexxiet ’il quddiem dawn l-emendi fil-Parlament, qalet li din l-liġi kienet biżżejjed biex titkattar din id-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità, għalhekk hi għamlet minn kollox biex dawn il-liġijiet jiġu eliminati.
Hi kompliet tgħid li Malta se tkompli taħdem ma’ The Leprosy Mission biex jekk hemm pajjiżi li din il-liġi għadha preżenti, speċjalment fil-Commonwealth, iħassruha huma wkoll.