Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja, Najla Mangoush, irringrazzjat lill-Gvern Malti tal-appoġġ biex tippromwovi djalogu inklussiv fost il-Libjani u anke biex jiġi mobilizzat appoġġ reġjonali u internazzjonali għall-ġid komuni tal-poplu Libjan kollu.
Fi stqarrija ngħad li l-Ministru Mangoush esprimiet ukoll is-sodisfazzjon lejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo dwar l-offerta ta’ Malta biex tappoġġja l-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti biex tgħin lil-Libjani jgħixu f’Libja magħquda, sovrana u li fiha jitkattar il-ġid.
Aktar kmieni l-Ministru Bartolo kien wassal l-appoġġ ta’ Malta lin-Nazzjonijiet Uniti biex tfittex il-ġid komuni tal-poplu Libjan waqt laqgħa telefonata ma’ Stephanie Williams, Konsulent Speċjali dwar il-Libja tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Wara d-diskussjoni mal-Ministru Bartolo, is-Sinjura Williams laqgħet l-appoġġ bla waqfien ta’ Malta għall-ħidma tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja u l-ħtieġa li l-elezzjonijiet isiru fil-pajjiż Afrikan.