F’konferenza fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Malta rċiviet tifħir għall-ħidma tagħha fuq livell dinji fil-qasam tal-ugwazjana, b’mod partikolari fejn jidħol l-aċċess għan-nisa għall-edukazzjoni u l-karrieri fix-xjenza.
Din kienet ir-raba’ konferenza annwali li tikkommemora l-11 ta’ Frar bħala l-Jum Dinji għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza. Dan il-jum kien intagħżel permezz ta’ riżoluzzjoni 70/212 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti nhar it-22 ta’ Diċembru 2015 fuq inizjattiva tal-Ministru Helena Dalli f’isem Malta flimkien mar-Royal Academy of Science International Trust.
Fil-ftuħ tal-konferenza, l-Ministru Dalli tkellmet dwar il-bżonn li jiġu megħluba l-isterjotipi li jżommu lin-nisa milli jiħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Hija tkellmet dwar kif l-aspettattivi tas-soċjetà jikkundizzjonaw lill-bniet sa minn età żgħira u jiskoraġġuhom milli jieħdu karrieri fix-xjenza.
Il-Ministru saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm l-istrutturi meħtieġa biex jgħinu lin-nisa jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol wara li jlestu l-istudji tagħhom. Dr Dalli semmiet iċ-childcare b’xejn f’Malta bħala eżempju li wassal biex ħafna nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol jew komplew bl-istudji tagħhom, u kif il-fond tal-leave tal-maternità qed jgħin biex ma ssirx diskriminazzjoni kontra n-nisa li huma ta’ età li jkollhom it-tfal u li jkunu waslu fil-punt tad-dħul f’impjieg.
Matul il-konferenza Dr Dalli kellha wkoll sessjoni ma’ numru ta’ studenti tfajliet minn pajjiżi differenti u li qed jaspiraw biex ikollhom karrieri fix-xjenza. Uħud minnhom taw preżentazzjonijiet lill-Ministru dwar il-proġetti li qed jaħdmu fuqhom. Il-Ministru faħħret il-ħiliet ta’ dawn l-istudenti u ħeġġithom biex iservu ta’ ispirazzjoni għal bniet oħra, anke billi jagħtu sehemhom biex jgħinu lil dawk li m’għandhomx l-istess aċċess għall-edukazzjoni li għandhom huma.
Il-Ministru Dalli qalet li fi żmien fejn id-dinja qed taffaċja sfidi bħat-tibdil fil-klima u t-tkabbir demografiku bla preċedent, hemm bżonn ta’ aktar nisa fix-xjenza biex jinstabu soluzzjonijiet xjentifiċi għal dawn ir-realtajiet ġodda.
Aktar tard il-Ministru presediet laqgħa bejn esperti minn oqsma varji u rappreżentanti governattivi minn pajjiżi differenti. F’din il-laqgħa tkellmu nisa li studjaw jew għandhom karrieri fix-xjenza li qasmu l-esperjenzi u t-tbatijiet tagħhom biex kisbu aċċess għall-edukazzjoni u mxew ’il quddiem minkejja l-gwerrer u l-faqar li għexu fihom. Kien hawn fejn il-Ministru Dalli ħabbret li l-konferenza tas-sena d-dieħla se tinkludi parti ddedikata għan-nisa refuġjati u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ.
Lejn tmiem il-konferenza, numru ta’ pajjiżi adottaw dokument li jsejjaħ għal aktar ħidma u riżorsi li jwasslu għal aktar nisa fil-qasam tax-xjenza. Id-dokument jitkellem ukoll fuq ir-rwol tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja fiż-żmien li ġej.
Il-Ministru Helena Dalli rringrazzjat lill-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kolllha li ħadu sehem f’din il-konferenza u esprimiet sodissfazzjon għal kif l-għarfien li qajjmet Malta fuq livell globali permezz ta’ dan il-Jum dedikat għall-bniet u n-nisa fix-xjenza kompla jikber u jinxtered.