It-tibdil fil-klima, il-ħarsien tas-saltna tad-dritt internazzjonali, il-gwerra fl-Ukrajna u l-bżonn li kull pajjiż ikun imħejji għal theddid serju globali fil-qasam tas-saħħa, kienu temi ewlenin li ġew diskussi waqt il-laqgħat tal-kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth, fir-Rwanda.
Waqt dawn il-laqgħat, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ippropona li tkun esplorata l-possibilità li f’laqgħat futuri tal-Commonwealth, ikun hemm dejjem fuq l-aġenda t-tema ta’ theddid globali fil-qasam tas-saħħa.
Fearne qal, “Il-Commonwealth f’dawn is-sentejn ħa jkun qed jesplora kif jista’ jkollu mekkaniżmu biex f’laqgħat taċ-CHOGM futuri, titla dejjem fuq l-aġenda, it-tema tal-global health threats, bħalma hi r-reżistenza għall-antibijotiċi u bħalma hi l-problemi tas-saħħa mentali li qed jolqtu l-pajjiżi kollha tad-dinja.”
Kemm waqt il-laqgħa tal-kapijiet tal-Gvernijiet u anki fl-istqarrija finali, Malta ġiet rikonoxxuta għas-solidarjetà li wriet tul il-pandemija.
Huwa stqarr, “Irringrazzjaw lil Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra fil-Commonwealth li fi żmien tal-bżonn, konna strumentali biex konna donaturi ta’ numru ta’ vaċċin tal-Covid lil pajjiżi oħra madwar id-dinja. Fil-fatt Malta tat seba’ mitt elf doża tal-vaċċin lil pajjiżi oħra tal-Commonwealth.”
Tul il-laqgħat fir-Rwanda, Chris Fearne ndirizza wkoll il-Commonwealth Business Forum fejn tkellem dwar dak li d-dinja tgħallmet waqt il-pandemija.
Huwa aċċenna fuq l-importanza li l-istati kollha madwar id-dinja jkollhom aċċess ekwu għall-mediċini u dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi żgħar sabiex jingħelbu sfidi relatati maċ-ċokon tal-pajjiżi.
Intant, fil-jumejn ta’ laqgħat taċ-CHOGM, kien hemm ftehim bejn l-erbgħa u ħamsin pajjiż tal-Commonwealth li jingħaqdu żewġ pajjiżi oħra bħala membri, it-Togo u l-Gabon.
Patricia Scotland ġiet ikkonfermata bħala Segretarju Ġenrali tal-Commonwealth għas-sentejn li ġejjin.