Malta ġiet megħluba mill-Kroazja 3-0 f’logħba minn Grupp H fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022.
Żewġ deċiżjonijiet dubjużi tar-referee Żvizzeru swew qares għat-tim nazzjonali Malti kontra l-qawwa Kroata.
It-tim ta’ Devis Mangia kompla juri logħob inkoraġġanti minkejja li affaċċja lill-finalisti telliefa tal-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Il-Kroazja fetħu l-iskor fit-62 minuta permezz ta’ Ivan Perisic li żmarkat kemm tefa’ fix-xibka wara kross minn Borna Barisic.
Kważi kwarta wara r-referee ta penalty dubjuż li lanqas il-Kroati ma pprotestaw għalih.
Kien Luka Modric li inkarigat ruħu mill-penalty u tefa’ ġewwa u serraħ ras il-Kroati mit-tliet punti.
Fl-aħħar minuti tal-partita Josip Brekalo skorja t-tielet gowl wara li d-difiża Maltija nqabdet fuq sieq waħda.
Malta ma ngħatatx penalty fl-ewwel taqsima wara li difensur Kroat mess il-ballun b’idu fil-kaxxa.
Ir-referee jidher li ma rax sew din l-azzjoni u sfortunatament is-sistema tal-VAR mhiex imħaddma fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
L-impenn li jmiss għal Malta fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja hu f’Settembru kontra Ċipru.
Logħba li se tintlagħab f’pajjiżna.