Il-Ġimgħa filgħaxija f’Wembley Stadium Malta lagħbet l-aħħar partita ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropej 2024 kontra l-Ingilterra, bil-leaders ta’ Grupp C joħorġu rebbieħa 2 – 0 biex b’hekk l-Ingilterra għamlu ċert mill-ewwel post fil-grupp. It-tim nazzjonali Malti kellu prestazzjoni qalbiena u minkejja t-telfa, t-tim Malti ħareġ b’rasu mogħlija minn dan il-konfront.
Wara biss tlettin sekonda logħob, Malta b’ċans tad-deheb meta Matthew Guillaumier qassam lejn Teddy Teuma li b’xutt fil-baxx tefgħa l-ballun kemm kemm barra. Fl-ewwel azzjoni perikoluża tal-Ingilterra fit-tmien minuta, huma marru fil-vantaġġ meta l-ballun wasal għand Phil Folden li min naħa tiegħu avvanza, krossja għan-nofs, iżda l-ballun ħabat ma’ Enrico Pepe qabel spiċċa fil-lasta minkejja t-tentattiv ta’ Bonello sabiex isalva.
Ir-reazzjoni ta’ Malta kienet waħda immedjata għaliex tlett minuti wara, Guillaumier irnexxilu jinterċetta l-pass ta’ Maguire, qabel ma kompla lejn Paul Mbong li b’xutt fuq il-ġirja kkonkluda ftit barra. Fil-27 minuta kross tajjeb ta’ Teuma iżda Pickord salva tajjeb sakemm sekondi biss wara l-Ingilterra protestaw għal penalty meta Bonello deher li setgħa waqqa lill-Harry Kane fil-kaxxa żda r-referee kien ċert mid-deċiżjoni tant li wera karta safra lill-captain Ingliż għal simulazzjoni bl-ewwel taqsima tintemm 1 – 0.
Mal-bidu tat-tieni taqsima Southgate wettaq sostituzzjoni doppja meta Kyle Walker u Bukayo Saka daħlu jilgħabu flok Conor Gallagher u Fikayo Tomori. Wara ħdax il-minuta fit-tieni taqsima, waslet l-ewwel azzjoni perikoluża tal-Ingliżi hekk kif Saka, wara li bidel il-ballun, fajjar xutt li ġie devajt f’corner.
Sostituzzjoni doppja għal Malta ma’ kważi siegħa logħob meta Matthew Guillaumier u Paul Mbong ħallew il-pitch u daħlu jilgħabu Bjorn Kristensen u Jodi Jones. Din is-sostituzzjoni doppja kienet segwita minn sostituzzjoni doppja oħra tal-Ingilterra meta Cole Palmer u Declan Rice ħadu post Marcus Rashford u Jordan Henderson.
Fl-64 minuta konklużjoni ta’ Trent, iżda Bonello salva tajjeb. Żewġ minuti wara free-kick qasir u konklużjoni għal darba oħra ta’ Trent tmur barra. L-Ingliżi għamlu l-iskor 2 – 0 ma’ kwarta mit-tmiem, meta f’azzjoni mill-isbaħ bejn Walker u Folden, b’finalment ikun Saka li jikkrossja u Kane li mill-viċin ma’ jfallix. Sekondi biss wara, f’azzjoni mill-isbaħ, Declan Rice irnexxilu jiddepożita l-ballun fix-xibka madanakollu l-goal ġie annulat minħabba offside.
Għaxar minuti mit-tmiem, Marcolini wettaq sostituzzjoni doppja oħra fejn Kyrian Nwoko u Zach Muscat daħlu jilgħabu flok Kemar Reid u Jean Borg. Fil-82 minuta Malta b’azzjoni tajba meta Mbong irnexxilu jiżmarka tajjeb lill-Yankam bil-konklużjoni tiegħu tmur ftit barra. Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti wettaq l-aħħar sostituzzjoni tiegħu fil-86 minuta b’Cain Attard jidħol jilgħab flok Joseph Mbong.
Żewġ minuti mit-tmiem xutt b’saħtu ta’ Trent ġie salvat tajjeb minn Bonello.
Malta – Henry Bonello, Ryan Camenzuli, Steve Borg, Matthew Guillaumier, Joseph Mbong, Paul Mbong, Teddy Teuma, Enrico Pepe, Kemar Reid, Yannick Yankam, Jean Borg.
Ingilterra – Jordan Pickford, Kieran Pickford, Fikayo Tomori, Conor Gallagher, Marc Guehi, Harry Maguire, Phil Foden, Jordan Henderson, Harry Kane, Trent Alexander-Arnold, Marcus Rashford.
Attendanza – 81,388
Ritratt: Domenic Aquilina