It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena safa megħlub mill-Kazakstan bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għal dawn tal-aħħar jaslu fit-tieni taqsima. Kienet partita li fiha l-Maltin xejn ma mpressjonaw fejn irreġistraw azzjoni waħda biss denja ta’ nota kmieni fit-tieni taqsima, u li kieku ma kienx għall-bravuri tal-goalkeeper Malti, Hugo Sacco, l-iskor seta’ kien saħansitra ikbar favur il-Kazakstan.
Kienu l-Kazakstan li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss ftit sekondi, xutt mid-distanza ta’ Adket Sadybekov għadda ftit għoli.
Huma komplew fuq l-offensiva u fl-20 minuta, Adlikhan Dobay approfitta minn żball fid-difiża ta’ Owen Spiteri, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Malti Hugo Sacco, iżda tefa’ inkreddibilment barra.
Kulma jmur kompla dominju tal-Kazakstan u fil-35 minuta Dennis Mitrofanov kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi salvata f’żewġ tentattivi minn Sacco. Ħames minuti wara Nurgaini Buribayev dejjem għal Kazakstan ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda sab lil Sacco attent, u dawwar tajjeb f’corner.
Mill-corner li rriżulta, id-daqqa ta’ ras ta’ Meirambek Kalmyrza għaddiet għoli. Malta ħolqot l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fid-49 minuta permezz ta’ freekick insidjuż ta’ Gianluca Sciberras li iżda għadda barra.
Il-Kazaksatan wieġbu mill-azzjoni li segwiet minuta biss permezz ta’ konklużjoni b’saħħitha minn pożizzzjoni ideali ta’ Dennis Mitrofanov li iżda ġiet salvata bi bravura minn mal-art minn Sacco. Huma fetħu l-iskor fit-52 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu u angulat ta’ AIBAR ABDULLA li ma ta l-ebda ċans lil Sacco, bil-ballun jintemm fis-saqaf tax-xibka, b’dan ikun l-ewwel goal tal-Kazakstan f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni.
Il-Kazakstan komplew jippressaw u ħames minuti wara Dennis Mitrofanov kellu xutt angulat fil-bass salvat minn mal-art b’diffikultá minn Sacco.
L-avversarji resqu viċin li jkabbru l-iskor fil-61 minuta mera s-solitu Mitrofanov kellu xutt mill-viċin li ġie mdawwar f’corner minn Sacco. Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda mit-tieni goal 10 minuti wara meta wara li rċieva l-ballun minn corner, DAMIR KASSABULAT kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ġewwa.
Il-Kazakstan komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Antoine Paul Chiaramonti (Andorra)