F’partita vakida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026 li ntlagħbet fi stadium magħluq quddiem attendenza ta’ aktar minn 42,000 ruħ, Malta sfat megħluba mill-qawwa tal-Polonja bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għall-Pollakki jaslu wieħed f’kull taqsima, u fejn li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk u li ma kienx għall-bravuri tal-goalkeeper veteran Malti, Henry Bonello, speċjalment lejn l-aħħar tal-partita, l-iskor seta’ saħansitra kien akbar favurihom.
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Emilio De Leo għażel li jibda bl-istess 11 li beda bihom fit-telfa minima ta’ 1-0 kontra l-Finlandja, ħlief għall-bidla waħda hekk kif Enrico Pepe ħa post Kurt Shaw li kien tkeċċa lejn l-aħħar tal-imsemmija partita kontra l-Finlandja.
Minn naħa l-oħra għall-Polonja, rimarkabbli huwa l-fatt li l-iskorer prolifiku ta’ Barcelona, Robert Lewandowski, ma bediex mal-ewwel 11, wara li deher li weġġa’ ftit fir-rebħa ta’ 1-0 kontra l-Litwanja, bl-istess Lewandowski jkun hu li sab ix-xibka f’din il-partita. Huwa ġie utilizzat bħala sostitut fis-66 minuta fejn ħa post Krzysztof Piatek.
Kienu l-Pollakki li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti Jakub Kaminksi dar tajjeb ma’ numru ta’ players Maltin qabel kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm ftit barra, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.
Il-Maltin wieġbu tliet minuti wara meta Ilyas Chouaref kellu x-xutt ċentrali tiegħu jiġi salvat b’diffikultá f’corner mill-goalkeeper Pollakk, Lukasz Skorupski.
Iżda kienu l-Polonja li resqu viċin li jiftħu l-iskor fit-13-il minuta meta Mateusz Bogusz approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ James Carragher, qabel kellu x-xutt tiegħu mill-viċin salvat bi bravura minn Bonello. Huma komplew fuq l-offensiva u ħames minuti wara, wara li rċieva minn freekick, Jan Bednarek kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata mingħajr wisq diffikultá minn Bonello.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Pollakki u fis-27 minuta fetħu l-iskor meta minn nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża Maltija, Przemyslaw Frankowski għadda tajjeb lejn Krzysztof Piatek li minn naħa tiegħu xeħet cross fil-baxx għan-nofs li sab lil KAROL SWIDERSKI, li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Malta wieġbet fit-33 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza tas-solitu Ilyas Chouaref li għadda ftit barra.
Madankollu, reġgħu kienu l-Polonja li kienu għddhom irduppjaw l-iskor mill-azzjoni li segwit fuq in-naħa l-oħra tal-pitch minuta biss wara, meta Karol Swiderski kellu xutt insidjuż mid-distanza li ħareġ l-aħjar ta’ Bonello li dawwar f’corner b’mod stupend.
Malta wieġbet fis-37 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ James Carragher li gie slavat b’diffikultá minn Skorupski.
U f’botta u risposta, minuta bissa wara, xutt kważi minn tarf il-kaxxa ta’ Sebastian Szymanski għall-Pollakki għadda ftit barra. Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-43 minuta, konklużjoni ċentrali minn barra l-kaxxa ta’ Mateusz Bogusz ġiet salvata b’diffikultá minn Bonello.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Pollakki komplew bl-istess ritmu ta’ tmiem l-ewwel waħda u fit-52 minuta irduppjaw l-iskor meta Jakub Moder b’eleganza bit-takkuna għadda tajjeb lejn lejn KAROL SWIDERSKI li permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Huma komplew jippressaw u sitt minuti wara konklużjoni fil-baxx ta’ Jakub Moder ġiet salvata minn mal-art b’diffikultá minn Bonello. Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pollakki u fil-61 minuta l-awtur ta’ doppjetta Karol Swiderski kellu xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa salvat minn mal-art minn Bonello.
Huma kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal fil-71 minuta, meta wara li rċieva minn freekick mix-xellug, Karol Swiderski, minn taħt il-lasta kellu x-xutt mill-ewwel fil-baxx tiegħu salvat bi bravura minn Bonello, biex salva goal ċert.
Il-Pollakki ħadu r-riedni tal-logħba għal kollox f’idejhom u seba’ minuti wara Jakub Kaminski minn pożizzjoni ideali ra lil Bonello jċaħħdu milli jsib ix-xibka.
Fit-80 minuta, freekick insidjuż tal-ispeċjalista Lewandowski, dejjem għall-Pollakki, għadda ftit barra.
Pajjiżna kompla jsofri l-attakki tal-Pollakki u tliet minuti wara, xutt fil-baxx ta’ Sebastian Szymanski rriżulta bħala kemmxejn fraġli u ġie salvat minn mal-art minn Bonello.
Malta wieġbet fis-86 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza tal-aktar player avventuruż għalina, Chouaref, li iżda sab lil Skorupski attent.
Il-Maltin temmew il-partita jilagħbu b’10 players meta fil-91 minuta tkeċċa għalihom l-istess Chouaref, permezz ta’ karta ħamra diretta, wara daħla kerha fuq player tal-Polonja, b’din tkun it-tieni partita konsekuttiva li pajjiżna spiċċa jilgħab bi player inqas.
Il-Pollakki komplew jiddettaw il-logħob u fit-93 minuta, is-sostitut, Matty Cash, kellu x-xutt dijagonali tiegħu minn qagħda ideali jintemm ftit barra.
Referee: Morten Krogh (Danimarka)
Ritratt: Andre Farrugia