Malta hija fost erba’ pajjiżi li qablu li għandu jkun hemm skrutinju ikbar mill-Awtorità Bankarja Ewropea dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus. Il-Ġermanja kienet fost dawk il-pajjiżi li qalu li dak propost mill-Kummissjoni Ewropea ma jagħmilx sens.Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-EBA, iżżomm monitoraġġ fq il-ħasil ta’ flus issa hija soġġetta għal dubju wara li l-Ġermanja qajmet dubju dwar kemm din tagħmel sens.
Rapport fuq il-ġurnal internazzjonali Politico qal li s-Segretarju tal-Istat Ġermaniż Jörg Kukies ma kienx l-uniku wieħed xettiku dwar dan meta Ministri għall-Finanzi minn madwar l-Ewropea iltaqgħu fil-Lussemburgu iktar kmieni llum biex jiddiskutu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ġermanja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Lussemburgu, u l-Olanda qalu li hemm bżonn ta’ iktar analiżi biex ikunu stabbiliti l-kawżi ta’ ħasil ta’ flus fl-Ewropa. Din in-negattività fost il-Gvernijiet Ewropej ixxukkjat lill-Kummissarju għall-Ġustizzja Věra Jourová, li ppreżentat il-proposta tal-EBA lill-Ministri għall-Finanzi.
Franza, id-Danimarka, u Spanja qablu ma’ Malta li l-proposti tal-Kummissjoni u tal-EBA għandhom jiġu fis-seħħ.