Għall-ewwel darba fl-istorja Malta se tkun madwar il-mejda f’summit tal-G20, forum internazzjonali li jiġbed madwar il-mejda l-iktar għoxrin ekonomiji b’saħħithom fid-dinja. Dan riżultat tal-fatt li Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ġimgħa l-forum se jlaqqa’ lill-Ministri għall-Finanzi ta’ dawn il-pajjiżi u għalhekk se jkun qed jattendi l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna.
“Din hi laqgħa li tlaqqa’ lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 u li membru minnhom hi l-Unjoni Ewropea. Għalekk jiena se nkun qed nirrappreżenta l-Ministri għall-Finanzi Ewropej,” qal il-Ministru Scicluna.
Fuq l-aġenda tas-summit li se jsir fil-Ġermanja, il-Ministri se jkunu qed jiddiskutu s-suq ħieles fl-isfond li hemm amministrazzjoni ġdida fl-Istati Uniti kif ukoll se tkun tema li taffetwa dirett lill-pajjiżna li titratta r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi Afrikani.
Scicluna spjega kif din tinteressa lill-pajjiżna direttament għax hi “l-inizjattiva tal-Ġermanja kumpatt mal-Afrika, u li aħna interessati fih għal ftehim ekonomiku biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni ekonomika fejn l-unika mod biex dan isir hu li jkun hemm l-iżvilupp f’dawn il-pajjiżi sabiex ma jkollhomx raġuni biex jemigraw.”
Fuq kollox, kompla jgħidilna l-Ministru Scicluna, din hija okkażjoni ta’ unur għal pajjiżna.