Skont il-Global Innovation Index għas-sena li għadna kif spiċċajna, l-2018, Malta kklasifikat mal-ewwel 30 pajjiż mid-dinja kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni.
Filfatt pajjiżna ġie kklasifikat fis-26 post minn 126 pajjiż li ġew analizati u allura wara Malta hemm 100 pajjiż ieħor.
Fost il-pajjiżi li ġew ikklasifikati wara pajjiżna hemm ġganti ekonomiċi bħar-Russja u l-Qatar u pajjiżi kbar Ewropej bħal Spanja, l-Italja u l-Polonja, fost oħrajn.
Dan l-indiċi jpoġġi lil Malta allura mal-ewwel nofs fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Global Innovation Index huwa indiċi li jkejjel il-progress fl-innovazzjoni tal-pajjiżi madwar id-dinja msejes biex jagħti stampa ċara tal-pajjiżi mistħarrġa. Dan l-indiċi huwa kkummissjonat minn Istituzzjonijiet rispettati fuq livell globali bħal l-INSEAD skola tal-business rinomata, il-WIPO, l-organizazzjoni globali tal-intelliġenza intelletwali u l-Cornell SC Johnson College of Business.
L-analizi bir-reqqa fuq kull pajjiż hija maqsuma f’7 setturi prinċipali: l-istituzzjonijiet, il-Kapital uman u r-riċerka, l-infrastruttura, il-kwalità tas-suq, il-kwalità tan-negozji, l-għarfien u t-teknoloġija u l-kreatività.
Malta marret l-aħjar f’dak li huwa infrastruttura tal-ICT ġiet ikklasifikata fis-6 post. Din il-kategorija hija maqsuma f’kemm il-pajjiż huwa aċċessibli l-ICT, l-użu tat-teknoloġija tal-informatika, is-servizzi tal-Gvern onlajn kif ukoll l-effiċjenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija.
It-tieni l-aktar settur li mar tajjeb fih pajjiżna huwa dak tal-kreatività fejn filfatt ġejna kklasifikati fl-10 post overall. F’dan is-settur pajjiżna kien assessjat fuq il-kreatività fil-qasam tat-teknoloġija tal-informattika, apps, l-istampar, il-kultura, is-settur tal-films u l-mezzi tal-komunikazzjoni.
Pajjiżna mar tajjeb ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tan-negozju fosthom il-livelli ta’ impjegati u ħiliet li jeżistu f’pajjiżna, liema ħiliet jikkumplimentaw id-domanda tas-suq tax-xogħol.
Hija xi ħaġa evidenti ħafna kif pajjiżna qed jinvesti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni fl-aħħar snin.
Bizzejjed li wieħed isemmi l-oqsma tal-blockchain fejn Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li daħħlet liġijiet biex tirregola dan is-settur u propju anke rajna l-ewwel eżempji ta’ kif dan is-settur jista’ jgħin fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom iċ-ċertifikati tal-MCAST li qegħdin fuq il-blockchain possibli permezz ta’ iniżjattiva mal-privat.
Bdiet u ser tissokta l-ħidma f’dak li għandu x’jaqsam ma’ intelliġenza artifiċjali fejn ġiet imwaqqfa taskforce għal dan u propju aktar tard din is-sena se nkunu qed naraw l-introduzzjoni ta’ robots li jkunu kapaċi jassistu l-kirurgi u l-ispeċjalisti fl-ispartijiet waqt l-operazzjonijiet.
Ma’ dawn hemm sezzjonijiet oħra li lkoll jaqgħu taħt ir-responsabiltà tas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri bħal l-e-sports, id-digital gaming, u l-politika dwar l-ispażju.
Dawn is-setturi se jfissru aktar opportunitajiet għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, partikolarment iż-żgħażagħ.
Huwa ta’ pjaċir li pajjiżna tant mexa ‘l quddiem f’dawn it-tip ta’ indiċi bħal dan tal-Global Innovation Index.
L-innovazzjoni huwa suġġett li fuqu l-Prim Ministru Joseph Muscat jitkellem ħafna fuqu kemm f’attivitajiet politiċi f’pajjiżna iżda anke f’fora Internazzjonali.
Pajjiżna, anke minħabba d-daqs tiegħu jista’ jkun ferm aktar flessibli sabiex propju jdaħħal u jemenda liġijiet li jkunu jistgħu jwasslu biex jiżdied dejjem aktar l-investiment u allura b’mod sussegwenti l-ġenerazzjoni tal-ġid u l-postijiet tax-xogħol.