Statistika maħruġa mill-Eurostat tikklassifika lil Malta fl-10 post minn 31 pajjiż, meta niġu għar-rata ta’ trabi li twieldu minn ġenituri taħt id-19-il sena. Fis-sena 2015 f’Malta b’kollox kellna rata ta’ 4.3% li tfisser 95 wild mingħand ommijiet li l-età tagħhom tvarja bejn l-14 u d-19-il sena.
B’kollox fl-Unjoni Ewropeja twieldu 2,338,013 tarbija fis-sena 2015 u minn dawk 92,926 minnhom twieldu minn ommijiet taħt id-19-il sena. Allura l-medja Ewropea hija dik ta’ 3.97%.
L-aktar żewġ pajjiżi li raw twelid minn ommijiet żgħażagħ kienu r-Rumanija u l-Bulgarija b’rati ta’ 12,31% u 11.93% rispettivament. L-anqas pajjiżi li raw twelid ta’ din ix-xorta kienu l-Italja u l-Iżvizzera b’rati ta’ 1.21% u 0.81%.
Esperti f’dan il-qasam qalu li r-rati għoljin ta’ twelid f’ċerti pajjiżi li jinsabu fil-Lvant tal-Ewropa juri n-nuqqas ta’ kuxjenza dwar is-sess femminili u hemm ukoll nuqqas kbir ta edukazzjoni dwar is-suġġett. Problema oħra f’dawn il-pajjiżi hija n-numru kbir ta’ infertilità. Għalhekk it-tfajliet kienu qed ikunu mħeġġa sabiex ikollhom it-tfal ta’ età żgħira.
Ir-Renju Unit u Malta huma l-uniċi pajjiżi min-naħa tal-Punent tal-Ewropa li qed jikklassifikaw mal-ewwel 10 postijiet ta’ din l-istatistika. Madankollu deher titjib sostanzjali mis-sena 2010 fejn in-numru ta’ trabi li twieldu minn ommijiet taħt id-19-il sena naqas b’81 wild.
L-aktar pajjiż li ra tnaqqis fit-twelid fost iż-żgħażagħ kien l-Estonja fejn in numru ta’ trabi li twieldu f’dawn il-kategoriji naqsu b’aktar minn 700. Fattur li jiddetermina n-numru ta’ trabi li twieldu huwa l-edukazzjoni sa minn età żgħira fl-iskejjel. Wieħed ta’ min jinnota li fl-Estonja ġew introdotti programmi obbligatorji li jippromwovu l-ugwaljanzi bejn is-sessi fl-iskejjel kollha tal-pajjiż.
Irene Donadio kelliema għall-International Planned Parenthood Federation European Network (IPFF) stqarret li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu pożizzjoni aħjar dwar dan il-qasam u taqsam l-aħjar prattiċi u programmi ta’ edukazzjoni fost il-pajjiżi kollha. Donadio stqarret ukoll li “s-subien għandhom bżonn jifhmu aktar lit-tfajliet u t-tfajliet għandhom bżonn ikunu aktar infurmati dwar x’inhuma d-drittijiet tagħhom.”
Għalkemm l-informazzjoni u t-tagħlim huma importanti, Donadio appellat ukoll lill-gvernijiet sabiex ikunu ppreparati aktar billi joħolqu sistemi legali li jassiguraw aktar awtonomija lejn in-nisa.
Fuq nota aktar pożittiva l-istess statistika turi li fis-sena 2015 b’kollox f’Malta twieldu 4,325 tarbija, żieda ta’ 134 fuq is-sena ta’ qabel. L-aktar xahar li fih twieldu tfal kien Diċembru fejn kien hemm 401 twelid. Filwaqt li l-anqas xahar li fih twieldu trabi kien Frar bi 311-il twelid.